
Biex tipperswadi liż-żgħażagħ ma jitilqux mill-pajjiż u jiffaċċjaw l-inċertezza tal-emigrazzjoni, il-Knisja Kattolika fl-Etijopja qed tipprova toħolqilhom opportunitajiet ta’ xogħol fil-pajjiż stess.
F’laqgħa li l-Kardinal Berhaneyesus Sourapiel, l-Arċisqof Metropolita ta’ Addis Ababa li hu wkoll President tal-Konferenza Episkopali Etijopjana, kellu mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ungerija, Tristian Asbej, sostna li tnejn mill-akbar problemi li qed jiffaċċja pajjiżu bħalissa huma l-emigrazzjoni u t-traffiku uman. Dawn il-problemi jistgħu jkunu solvuti biss permezz tal-edukazzjoni.
Il-Kardinal qal li l-emigrazzjoni għandha l-problemi tagħha. Meta ż-żgħażagħ ifittxu li jitilqu mill-pajjiż biex isibu futur aħjar, ikunu qed jiffaċċjaw il-mewt jew bl-għarqa jew ma xi saram li jiltaqgħu miegħu fil-vjaġġ tagħhom fuq l-art. Jekk jirnexxielhom jaslu qawwijin u sħaħa fid-destinazzjoni li jfittxu, jirriskjaw li jkunu esplojtjati.
“L-emigrazzjoni m’hix l-aħjar għażla għaż-żgħażagħ tagħna. Aħna nixtiequ li ż-żgħażagħ jibqgħu hawn f’pajjiżhom. Aħna qed nippruvaw ngħinuhom billi noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol fil-lokalitajiet tagħhom stess. Jekk jibqgħu jinsistu li jemigraw, allura nippreparawhom għal dak li għandhom jistennew u kif jistgħu jibqgħu mexjin,” qal il-Kardinal lill-Ministru Ungeriż.
Sfida oħra għall-emigranti hi li ma jkunux jafu x’realtajiet se jsibu fil-pajjiż li jmorru fih u dan jesponihom għall-esplojtazzjoni u jibqgħu diżappuntati meta jirrealizzaw li fejn marru ma sabux dak li kienu qed jistennew.
Il-Mexxej tal-Knisja fl-Etijpopja qal li l-aħjar mod li wieħed jiffaċċja din is-sitwazzjoni hu permezz tal-edukazzjoni. Hu esprima l-apprezzament tiegħu għall-fatt li ħafna żgħażagħ mill-Etijopja li bbenefikaw minn boroż ta’ studju fl-Ungerija, irritornaw u llum qed jaqdu lil pajjiżhom. Għalhekk hu rringrazzja lill-Gvern Etijopjan u lill-Gvern u l-poplu tal-Ungerija għal dawn l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni li għandha rwol vitali fl-iżvilupp tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Azbej qal li kien qed jieħu pjaċir jisma’ li dawk li studjaw fl-Ungerija llum qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Etijopja.
Hu spjega li pajjiżu hu mpenjat li jgħin u jappoġġja lill-insara persegwitati madwar id-dinja u li kien ta’ pjaċir għalih li jaħdem mal-awtoritajiet tal-Knisja fl-Etijopja biex jgħin lil dawk li jinħtieġu appoġġ u għajnuna mill-Ungerija.
Dr Tristian Azbej stieden lill-Kardinal Berhaneyesus u mexxejja reliġjużi oħra biex iżuru lil pajjiżu u jkabbru l-kooperazzjoni bejniethom.