Il-Knisja toffri xibka globali kontra t-traffikar

Il-Kardinal Vincent Nichols, Arċisqof ta' Westminster

Il-bieraħ intemmet f’Ruma Konferenza Internazzjonali dwar it-Traffikar Uman. Il-konferenza kienet organizzata mit-Taqsima tal-Emigranti u r-Refuġjati tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman. Il-laqgħa kellha l-iskop li wieħed jifhem aħjar dan il-fenomentu u jgħin fil-koordinazzjoni ta’ ħdima biex dan it-traffikar jieqaf darba għal dejjem.

Għall-Konferenza attendew madwar 200 delegati fosthom Isqfijiet, qassisin, reliġjużi nisa u rġiel, aġenti pastorali, rappreżentanti ta’ organiżazzjonijiet Kattoliċi u espert fil-qasam tat-traffikar ta’ persuni, minn madwar id-dinja kollha.

Fost dak li ħadu sehem kien hemm l-Arċisqof ta’ Westminster, il-Kardinal Vincent Nichols li hu wkoll il-President tal-Grupp Santa Marta li għandu l-iskop sepċifiku li jiżvilupp sħubija bejn il-Knisja Kattolika u l-forzi tal-ordni madwar id-dinja biex jiġġieldu l-fenomenu.

Fost it-temi diskussi kien hemm l-identifikazzjoni, l-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ min jittraffika l-persuni.  Il-Kardinal Nichols qal li din il-ħidma trid issir b’interess kbir għax permezz tagħha mhux biss inkunu naraw il-benefiċċji tagħha imma wkoll xi diffikultajiet biex dan isir.

Forom ta’ esplojtazzjoni

Tema oħra diskussa kienet il-kwestjoni tal-ħażna tal-organi.  Il-Kardinal Nichols qal li din id-diskussjoni tat opportunità biex id-delegati jisimgħu dwar “l-esplojtazzjoni ta’ persuni li huma vulnrabbli ħafna.  Hu qal li d-domanda għall-organi umani qed tiżdied kemm minħabba l-mard kroniku kif ukoll għax il-bniedem qed jgħix aktar.

Għall-Arċisqof ta’ Westmnster kien ukoll ta’ nteress il-potezjal li toffri t-tekonoloġija moderna fil-ġlieda kontra  t-traffikar uman u l-esplojtazzjoni. Hu qal li l-grupp li ħa sehem fih hu ddiskuta l-possibbiltà li tinħoloq app għat-telefons ċellulari li tista’ tgħin biex tissaħħaħ ix-xibka globali li toffri l-Knisja Kattolika kontra t-traffikar.

Problema globali

Il-Kardinal Nichols żied jgħid: “Inħossni żgur li hemm ħafna aktar x’nistgħu nagħmlu biex niġbdu l-attenzjoni tal-poplu fejn wieħed jista’ jsib il-fenomenu tat-traffikar uman”. Hu qal li l-apps jistgħu jintużaw biex jgħin lin-nies jiġbdu l-attenzjoni meta jħossu li jkunu f’riskju jew fil-periklu.

Il-Kardinal enfasizza li fil-Konferenza deher li “it-traffikar uman, fil-forom kollha tiegħu hu parti minn xibka kriminali internazzonali u għalhekk, din hi problema globali u allura trid tkun miġġielda mix-xibka globali li l-Knisja Kattolika toffri kontra t-traffikar għax din hi xibka għas-sewwa.”