Il-Knisja tistudja l-possibbiltà li d-Djakonija tinfetaħ ukoll għan-nisa

In-nuqqas ta’ stima li l-Knisja Kattolika għandha tan-nisa hi l-akbar raġuni li minħabba fiha n-nisa fl-Irlanda jħosssuhom aljenati minnha. It-tieni raġuni hi l-effett tal-iskandli tal-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-effett li dan kellu anke fuq iż-żgħażagħ.
Din it-twissija għamilha Mons. Diarmuid Martin, l-Arċisqof ta’ Dublin fl-Irlanda, li kompla jgħid li wieħed mill-aktar dokumenti ta’ diżappunt li ġew f’idejh kemm ilu li sar isqof, kien ir-riżultat ta’ sondaġġ li sar fost iż-żgħażagħ tal-pajjiż li sar bi preparazzjoni għas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ li se jsir is-sena d-dieħla.
Mis-sondaġġ irriżulta li ż-żgħażagħ iħossu li mhumiex milqugħa fil-parroċċi. Dan hu rifless tas-sistema tal-edukazzjoni Nisranija fil-pajjiż, li hi bażata prinċipalment fuq l-iskejjel u ma tressaqx liż-żgħażagħ għal komunikazzjoni aħjar mal-parroċċi tagħhom. L-Arċisqof qal li fil-pajjiż illum, il-mexxejja ċivili huma fil-maġġoranza żgħażagħ filwaqt li l-maġġornza tal-mexxejja tal-Knisja huma anzjani, u sostna li hemm bżonn li din id-disparità tonqos.
L-għajta għal aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-Knisja Kattolika qed tkompli tikber. Ftit xhur ilu, il-Kardinal tal-Iżvezja, Anders Arborelius, ippropona li l-Papa Franġisku jaħtar kumitat konsultattiv magħmul min-nisa. Hu sostna li hemm bżonn li jinstab mezz usa’ għall-involviment tan-nisa fid-diversi livelli tal-Knisja. Sehem in-nisa hu ferm importanti fl-ekonomija u fis-soċjetà, iżda l-Knisja baqgħet xi ftit lura biex tinvolvihom.
Anke l-Kardinal Ġermaniż, Reinhard Marx, membru tal-Kunsill tal-Kardinali li jagħtu pariri lill-Papa, għamel sejħa biex il-Knisja ddaħħal aktar nisa fil-livelli għolja tagħha. “Inkunu mġienen jekk ma nużawx it-talenti tan-nisa. Il-fatt li huma l-irġiel biss li jistgħu jkunu ordnati saċerdoti mhux jgħin lill-Knisja tidher bħala pijunier fil-qasam tal-ugwaljanza.
“Il-Knisja għandha tibgħat messaġġ inklusiv u għalhekk irrid nenfasiżża li l-pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fil-Knisja li huma miftuħa għal-lajċi għandhom jinvolvu nisa daqskemm jinvolvu rġiel,” sostna l-kardinal Marx.
Is-sena li għaddiet il-Papa Franġisku ħatar Kummissjoni biex tistudja l-possibiltà li n-nisa jkunu ammessi għad-Djakonat li sal-lum hu miftuħ għall-irġiel biss.