“Il-Knisja tistidinna nilqgħu l-Kelma tas-salvazzjoni”

Il-Papa Franġisku llum iċċelebra l-quddies tal-ewwel Ħadd tas-sena l-ġdida fil-Pjazza ta’ San Pietru.
Waqt l-Anġelus, il-mexxej tal-Knisja tkellem dwar il-kuntrast drammatiku bejn ir-rigal ta’ mħabba li tana Alla fl-inkarnazzjoni u l-fatt li l-bniedem ma laqax lil Alla.
Il-Papa Franġisku qal li l-ftuħ solenni tal-Evanġelju ta’ San Ġwann hu “l-istedina tal-Knisja għall-Kelma tas-salvazzjoni, dan il-misteru tad-dawl.” Saħaq li jekk nilqgħu lil Ġesù f’qalbna, “nikbru fl-imħabba ta’ Alla u nitgħallmu nħennu bħalma jħenn Hu, b’mod speċjali f’din is-Sena tal-Ħniena.”
Temm billi appella lill-udjenza preżenti biex kemm jista’ jkun, jippruvaw jgħixu l-Evanġelju fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Għal darb’oħra, il-Papa appella lill-pellegrini, kemm dawk li ġew minn Ruma kif ukoll lil dawk li ġew minn madwar id-dinja, biex kuljum jaqraw parti mill-Evanġelju “sabiex isiru jafu lil Ġesù aħjar u sabiex jiftħu iktar qalbhom lil Ġesù.”

Ritratt: L'Osservatore Romano