Il-Knisja tirringrazzja lill-Arċisqof Emeritu b’attivitajiet għat-tfal, żgħażagħ u kulħadd

Il-Knisja f’Malta se tirringrazzja u ssellem lill-Arċisqof Emeritu, il-Mons. Pawl Cremona, għall-Episkopat tiegħu, fi tliet attivitajiet iktar tard dan ix-xahar.
Il-qofol jintlaħaq fil-festa ta’ Kristu Re, il-Ħadd 23 ta’ Novembru, b’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-5.30pm. Il-quddiesa se titmexxa mill-Arċisqof Emeritu waqt li l-Isqof Charles Scicluna se jwassal ir-riflessjonijiet tiegħu fl-omelija.
Il-Knisja f’Malta qed tistieden lil kulħadd biex jattendi.
L-attivitajiet jibdew fil-jumejn ta’ qabel, l-ewwel maż-żgħażagħ f’attività fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru fis-7.00pm, li għaliha l-adolexxenti ta’ bejn it-12 u s-16-il sena huma mistiedna għal serata ta’ talb u divertiment bl-isem “Meteen”.
Għall-attività, organizzata mill-Oratorju tas-Salesjani f’Tas-Sliema u kkordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, se jattendi l-Arċisqof Emeritu.
L-attivitajiet imbagħad ikomplu s-Sibt 22 ta’ Novembru b’quddiesa għat-tfal fis-Santwarju tal-Ħniena Divina fin-Naxxar, organizzata mill-Kummissjoni Djoċesana Tfal. Din se ssir fl-4.30pm u se tkun iċċelebrata mill-Arċisqof Emeritu. 

Ritratt: Photocity