Il-Knisja tipprovdi l-unika ikla għal eluf ta’ refuġjati Venezwelani

Refuġjati mill-Venezuela jaqsmu lejn il-Brazil

Don José Sebastião Barros da Silveira, Brażiljan, u Don Miguel Alberto Fernández, Orionini, Arġentin, waslu fid-djoċesi ta’ Pacaraima fil-Brażil biex jgħinu lill-Kappillan Fr Jesus Lopez Fernandez de Bobadilla li għandu 78 sena, jassisti eluf ta’ refuġjati Venezwelani li qed jaħarbu minn pajjiżhom kuljum.

Il-parroċċa hi fuq il-fruntiera mal-Venezwela u hi fir-rotta ewlenija li twassal għall-Brażil. Din il-missjoni msejħa “Qalb bla Fruntieri” qed tilqa’ u tgħin lil ħafna rġiel, nisa u tfal li qed jaslu mill-Venezwela b’ta’ fuqhom senduqhom.

Hu stmat li madwar 6000 emigrant jgħaddu minn Pacaraima kuljum. Uħud jieqfu f’din il-belt u oħrajn jibqgħu sejrin lejn Boa Vista, 220 kilometru bogħod. Matul it-triq ma hemm ebda villaġġ jew belt u allura r-refuġjati ma jsibu mkien fejn jieklu jew jistrieħu u jorqdu fil-ġenb tat-triq. Hu stmat li f’Boa Vista llum hemm aktar minn 25,000 refuġjat Venezwelan.

F’Pacaraima in-nies jorqdu fuq bennieni tal-ħabel imwaħħla mas-siġar jew arbli. Il-Ħadd ikun hemm quddies għan-nies tal-post u r-refuġjati Venezwelani.

Fit-3.00 a.m. il-voluntiera jibdew jippreparaw il-kolazzjon għar-refuġjati li jkun servut bejn il-5.00 u s-7.30 ta’ filgħodu.  Għal dan il-kolazzjoni imorru 1,300 persuna bejn Venezwelani u n-nies tal-lokal. Għal ħafna minnhom din hi l-unika ikla tal-ġurnata.  Fil-post tagħmel ħafna xita u kesħa.  Il-belt hi fqira, il-faċilitajiet sanitarji huma nieqsa u t-toroq mimlija emigranti jduru ma’ kullimkien għax m’għandhomx x’jagħmlu.