Il-Knisja tipprovdi kenn lil Kenjani li qed jaħarbu mill-ġlied

Militanti estremisti  qed iwerwu eluf ta’ Kenjani, fil-parti l-kbira tagħhom insara, li qed ifittxu kenn f’żewġ knejjes u skola viċin il-fruntiera mas-Somalja. Mexxejja tal-Knisja jemmnu li l-estremisti qed jippruvaw jinfluwenzaw ir-riżultat tal-elezzjonijiet li se jsiru dalwaqt billi jeliminaw lil dawk li jopponu l-Liġi Islamika tax-Shariah.
Fr Peter Kariuki, saċerdot kattoliku qal li l-militanti qed jistaqsu lin-nies dwar il-fidi tagħhom u joqtlu lil dawk li huma nsara. S’issa madwar 2000 nisrani kellhom jaħarbu minn djarhom.
Fl-20 ta’ Lulju il-militanti qatlu żewġ persuni filwaqt li aktar kmieni matul ix-xahar uffiċjali għoli tal-Gvern inħeles wara li kien inħataf mill-militanti waqt li kienet sejra tiltaqa’ ma’ nies li kellhom jaħarbu minn djarhom. Erba’ persuni li kienu magħha inqatlu waqt dan l-inċident.
Fis-7 ta’ Lulju il-militanti qatgħu ras disa’ persuni fil-villaġġ ta’ Lamu filwaqt li ġimgħa qabel kienu qatlu tliet uffiċjali tal-pulizija f’Panandguo.
Fr Kariuki ħeġġeġ lin-nies biex minkejja din il-vjolenza ma jitilqux minn djarhom għax il-Gvern se jibgħat aktar patrols ta’ pulizija u suldati fl-inħawi. “Jekk ħafna nies jitilqu minn djarhom tkun tfisser rebħa għall-militanti Islamisti.
Mons. Wilybard Lagho, Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Mombasa qal li għalkemm il-Knisja hi newtrali, il-militanti u dawk li qed jipprovdulhom l-armi u l-kampjiet, għandhom motivi ulterjuri. “Iridu lin-nies jivvutaw b’mod biex ma jintilfux voti u ma jkunx sorpriż li dawn in-nies wara l-elezzjoni jintesew kif ġara fil-passat.
Il-grupp militanti al-Shabab hu grupp Islamiku ilu ħafna jipprova jwaqqa’ l-Gvern tal-Kenya biex floku jkun hemm Gvern li jkun gwidat strettament mill-Liġi Islamika tas-Shariah. Għal dawn l-aħħar xhur il-grupp kien qed iwettaq esekuzzjoni fil-pubbliku, isawwat lin-nisa fil-pubbliku u jaqta’ idejn u riġlejn ta’ persuni anke għall-aktar nuqqasijiet żgħar.