Il-Knisja tikkundanna l-vjolenza u l-korruzzjoni tal-Gvern

Il-Viċi President tal-Konferenza Episkopali tal-Venezuela kkundanna l-vjolenza u l-korruzzjoni tal-President Nicolás Maduro u talab li ssir elezzjoni ġenerali biex jinbidel il-Gvern.
L-Isqof José Luis Azuaje Ayala, waqt intervista fuq l-EWTN, tkellem dwar għadd kbir ta’ nies li jinsabu arrestati għax tkellmu kontra l-Gvern tal-President Maduro u qal li dan ipoġġi f’periklu l-ħajja taċ-ċittadini.
Kompla jgħid li kuljum qed tiżied ir-repressjoni u saħaq li l-Gvern tilef il-leġittimità u l-awtorità. Saħaq li fl-aħħar referendum, biex tinkiteb konstituzzjoni nazzjonali ġdida u tkun iffurmata assemblea kostitwenti ġdida, kien hemm nies li ġew “sfurzati” u “mhedda” biex jivvutaw favur il-Gvern.
L-Isqof irrakkonta kif ħafna nies marru għandu jqerru u jgħidulu kemm ħassewhom umiljati għax il-Gvern naqqar il-libertà tagħhom u għeddidhom li jekk mhux se jivvutaw favur, kienu se jitilfu l-impjieg jew il-benefiċċji tal-Gvern.
Intant, il-President Maduro żamm kelmtu u waqqaf l-assemblea konstitwenti li ħadet f’idha l-poter leġiżlattiv kollu kemm hu.
Fl-aħħar ġimgħat anke s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin ħareġ stqarrija li fiha kkundanna l-aġir tal-President Maduro.