Il-Knisja tiftaħ Istitut biex tħarreġ żgħażagħ fit-tmexxija

L-Istitut għat-Taħriġ taż-Żgħażagħ fit-Tmexxija, li fetħet il-Knisja fi Myanmar

Il-Knisja fi Myanmar b’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Ġiżwiti fetħet Istitut ġdid biex tħarreġ żgħażagħ fit-tmexxija u tagħmel minnhom aġenti tal-bidla fis-soċjeta’ li tant hemm bżonnha.

L-Istitut, imsejjaħ Myanmar Leadership Institute, jinsab f’Yangon u qed jimmira li jħarreġ żgħażagħ fuq kwestjonijiet ta’ etika, ħiliet analitiċi, ħiliet professjonali, stili ta’ ħajja fil-qasam edukattiv, fin-negozju u fis-soċjetà ċivili.

Il-Ġiżwiti Joseph Anthony Jacob, Direttur tal-Istitut qal li l-iskop hu li jkollna mexxejja li l-għerf tagħhom ikun ispirat mill-kumpassjon u jikkontribwixxu għall-bini tan-nazzjon fil-prosperità, il-paċi u fir-ritorn tad-drittijiet umani għal kulħadd.

Il-Myanmar Leadership Institute hu inizjattiva tal-Arċisqof ta’ Yangon, il-Kardinal Charles Bo.  Il-motto tiegħu se jkun “Tgħallem biex tkun mexxej li sservi”. Fr Jacob qal li “B’xi mod jew ieħor aħna lkoll mexxejja. It-tmexxija qegħda fina. Turina x’jien. Mexxejja tajba jilqgħu kull opportunità  biex isiru jafu lilhom infushom u lid-dinja u jimxu lejn skoperti u interessi ġodda”.

“Mexxej hu essenzjalment pellegrin, mhux wieħed li jaħseb li diġà hu ‘suċċess’ jew li hu perfett. Mexxej hu wieħed li hu uman miegħu nnifsu imma ħaj biex jiffaċċja r-realtajiet iebsa: it-tmexxija hu mod kif tipproklama l-Evanġelju u tkun profeta għall-foqra u l-emarġinati,” qal id-Direttur tal-Istitut.

Il-kurrikulu tal-Istitut tfassal minn grupp ta’ esperti fl-oqsma tal-edukzzjoni, l-intrapriża, is-soċjetà ċivili, l-Università ta Manila fil-Filippini li hi mmexxija mill-Ġiżwiti. Din l-università qed tiggarantixxi r-rikonoxximent tal-istudji fl-istitut ta’ Myanmar.

Fr. Jacob qed jittama li fi tmiem il-programm ta’ studju, il-gradwati jkunu lesti li jidħlu fit-tmexxija ta’ Organiżazzjonijiet Mhux Governattivi, komunitajiet reliġjużi, fl-oqsma tal-edukazzjoni, fis-sistema tasl-saħħa, f’aġenziji tal-Gvern u d-dinja tan-negozju u l-kummerċ.

“Nittamaw li nħarrġu mexxejja li jkunu kapaċi, li kapaċi jaħsbu b’mod kritiku u kreattiv li jaħdmu għall-ġid komuni skont il-valuri tal-ġustizzja, is-solidarjetà u bi preferenza lejn il-foqra,” temm jgħid id-Direttur.