Se jinfetħu żewġ hostels għaż-żgħażagħ Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta.
Dan tħabbar mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech f’ittra li qed tinqara fil-quddies ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. L-Isqof qal il-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet tas-Saint Joseph poġġew għad-dispożizzjoni tad-djoċesi żewġ djar f’Malta biex jintużaw bħala akkomodazzjoni. Waħda fi Gwardamanġa, li se tkun għall-ġuvintur, u l-oħra għax-xebbiet li tinsab il-Gżira.
“Id-djoċesi tagħna investiet somma flus mhux ħażin biex irranġajna dawn iż-żewġ hostels, imma dan għamilnieh konvinti li dan hu ‘investiment’ li jixraq liż-żgħażagħ tagħna” qal Mons. Mario Grech.
Kif tista’ tapplika?
Dawk il-familji li jixtiequ jużaw dan is-servizz huma mitluba jiktbu ittra lis-Segretarju Amministrattiv tad-Djoċesi, fil-Kurja. It-talbiet kollha jitressqu quddiem bord maħtur apposta, li jagħmel valutazzjoni tat-talbiet. Jista’ japplika kulħadd, imma se tingħata preferenza lil dawk il-każijiet fejn jirriżulta li jeħtieġu l-għajnuna. Peress li dan huwa proġett issussidjat mid-Djoċesi u miż-żewġ Ordnijiet Reliġjużi li semmejt, l-Amministrazzjoni tal-Kurja qed titlob ħlas nominali.
Xi studenti kellhom jabbandunaw il-ħolma tagħhom
L-Isqof qal li wieħed għandu jifraħ meta l-ulied ifittxu l-edukazzjoni terzjarja. Spjega li għall-familji Għawdxin dan joħloq diversi għamliet ta’ tbatija, bħalma hija n-nefqa li jridu jagħmlu biex jipprovdu lil uliedhom fejn joqogħdu. “Ħafna drabi, dawn iħallsu prezzijiet għolja, anke meta l-kundizzjonijiet ta’ fejn joqogħdu l-istudenti ma jkunux mill-aktar dinjitużi” saħaq l-Isqof. Żied jgħid li kaf b’każijiet fejn studenti kellhom jabbandunaw il-ħolma li jkomplu jistudjaw għax il-ġenituri tagħhom ma setgħux iġorru l-piż tal-kera “li sfortunatament qiegħda dejjem togħla”.
Il-Gvern għadu jesplora l-possibilità ta’ hostel
Fi Frar, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru qed jesplora l-possibilità li jkun hemm hostel li tilqa’ fiha l-istudenti Għawdxin f’Malta. Il-Ministru kienet qed twieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista David Stellini, li staqsieha xi pjanijiet għandha biex ittaffi n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli għal dawn l-istudenti.
Tista’ taqra l-ittra sħiħa tal-Isqof minn hawn.
Il-GYC jirringrazzja lid-Djoċesi ta’ Għawdex
Fi stqarrija, il-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin irringrazzja lid-Djoċesi ta’ Għawdex tal-ħidma tagħha biex tgħin studenti Għawdxin, filwaqt li laqgħa l-aħbar tal-ftuħ tal-hostels. Sostna li dan l-investiment se jindirizza t-tħassib u l-problema li għadd ta’ familji Għawdxin jgħaddu minna fid-dawl ta’ bidu ta’ sena skolastika ġdida.