Awdjo: Il-Knisja tiffinanzja 5 djar tat-tfal; il-Gvern jgħin fi 2

Andrew Azzopardi, li jmexxi l-Kummissjoni Ejjew Għandi spjega kif minn ħamest idjar tat-tfal li tieħu ħsieb il-Kummissjoni, tlieta minnhom huma ffinanzjati  mill-Knisja waħedha.
Huwa qal dan waqt il-programm Għidli Dwarek fuq RTK li ddiskuta l-ħidma li l-Knisja tagħmel mat-tfal f’dawn il-ħames t’idjar u anke fix-xelter għall-vittmi tal-vjolenza domestika u l-familji tagħhom.
Dawk id-djar li l-Gvern għadu mhux qed jagħtihom għajnuna, jirċievu Child in Care Benefit ta’ €70 fil-ġimgħa fuq kull tifel u tifla. Andrew Azzopardi saħaq li dan mhux biżżejjed biex jintlaħqu s-servizzi offruti. Dan għaliex, minbarra l-bżonnijet li jkollhom it-tfal b’mod ġenerali, it-tfal f’dawn id-djar isegwu programmi magħmula għalihom skond il-bżonnijiet tagħhom.
Azzopardi faħħar il-koperazzjoni li hemm bejn il-Gvern u l-Knisja f’żewġt idjar oħra tat-tfal li jaqgħu taħt din il-Kummisjoni.
Kien hawn li insista li meta jkun hemm kollaborazzjoni, l-effetti jkunu ħafna aktar pożittivi.
Fil-każ ta’ dawn iż-żewġt idjar, l-ispejjeż bażiċi huma mħallsa mill-Knisja u mill-Gvern u anke bl-għajnuna ta’ donazzjonijiet mill-pubbliku.
Andrew Azzopardi insista li dawn it-tfal jingħataw l-għajnuna mhux b’karità għax huma “imsieken” kif isejħulhom xi wħud, imma għax “huma t-tfal tal-istat” u allura s-servizz li jingħataw huwa dritt fundamentali  tagħhom.
“Huwa dmir tal-istat li jieħu ħsieb lil dawn it-tfal,” saħaq Azzopardi.
Iż-żewġt idjar immexxija mill-Knisja u li fihom hemm kollaborazzjoni mal-istat huma Dar Fra Diegu, immexxija mil-lajċi u Dar San Ġużepp, immexxija mill-MSSP.
It-tlett idjar l-oħra, li huma ffinanzjati biss mill-Knisja, huma Dar Sagra Familja mmexxija mis-sorijiet ta’ San Ġużepp, St Joseph Home immexxija mis-Sorijiet Dumnikani u Dar Santa Tereża mmexxija mis-sorijiet tal-Ulied il-Qalb Imqaddsa.
Dawn, apparti ħamest idjar oħra li huma mmexxija mis-Sorijiet tal-Ursolini u anke Dar St Patricks immexxija mis-Sależjani. Għalkemm dawn ma jaqgħux taħt il-kummissjoni Ejjew Għandi, xorta waħda hemm kollaborazzjoni bejniethom.
Andrew Azzopardi saħaq ukoll li apparti dawn id-djar, il-Knisja se tibda toffri servizz preventiv, biex fejn hu possibbli, it-tfal jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom