Il-Knisja titlob lill-Pulizija tinvestiga rapport dwar qassis

Read in English.

Is-Safeguarding Commission ħadet l-azzjoni meħtieġa, mingħajr preġudizzju, biex ikunu mħarsa l-partijiet kollha u għaddiet il-każ f’idejn il-Pulizija għall-Investigazzjoni. Dan qalitu l-Kurja fi stqarrija wara li llum tressaq il-Qorti qassis fejn ġie akkużat li kellu relazzjoni sesswali ma’ minuri.

Fl-istqarrija kien spjegat li l-Kummissjoni timxi mal-prinċipju li kull pesuna hija innoċenti sakemm tinstab ħatja. Intant, ħeġġet lil kull min jaf b’xi allegat każ ta’ abbuż biex jirrapporta direttament lill-Pulizija u biex jikkuntattja lis-Safeguarding Commission fuq info@safeguarding.mt.

Illum fil-Qorti, qassis ta’ 40 sena, wieġeb mhux ħati li kellu relazzjoni sesswali ma’ mara meta hi kienet għadha minuri. Allegatament l-atti sesswali qed jingħad li seħħew f’Ġunju tal-2017, meta l-mara kien għad kellha 15-il sena.

Il-mara, li llum għandha 19-il sena, jidher li kienet tkellmet mal-Kummissjoni tal-Knisja liema Kummissjoni rreferietha għand il-pulizija. Fil-Qorti ħareġ kif il-mara sostniet li ilha f’relazzjoni sesswali mal-qassis mill-età ta’ 15-il sena. Hi qalet ukoll li r-relazzjoni kienet waħda konsenswali.

Skont id-difiża, il-klijent tagħhom kien qed jiġi rikattat mill-mara għax ried itemm ir-relazzjoni tagħhom u allegatament hi ma tridux jagħmel dan.

Il-qassis ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Josette Demicoli fuq depożitu ta’ €1,00 u garanzija personali ta’ €7,000.