“Bħal Ġesù, is-saċerdot irid iħallas prezz biex ikun qaddej” – l-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=iqm-5l1lbnY]
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li bħalma Ġesù Kristu ħallas prezz biex jagħtina l-grazzja, l-istess is-saċerdoti jridu jħallsu prezz biex ikunu qaddejja tal-poplu.
Waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, it-tfakkira tat-twaqqif tal-Ewkaristija u s-saċerdozju, Mons. Scicluna qal li filwaqt li l-ħajja tas-saċerdot hija mmarkata biż-żejt tal-Qdusija, ħajtu hija wkoll taqtigħa kontinwa max-xitan u mal-periklu tar-rifjut.
Mons. Scicluna qal li kemm-il darba s-saċerdot ikun affaċjat mir-rifjut ta’ min iħares lejh.
Fil-ħsieb tiegħu, Mons. Scicluna qal li ma nistgħux niċċelebraw b’ferħ kbir Ħamis ix-Xirka mingħajr ma niftakru fil-kuntest polemiku u kunfliġenti li fih titħabbar il-grazzja ta’ Ġesù.
Filwaqt li qal li f’ħajjitna kemm-il darba nitilfu fit-taqtigħa kontra x-xitan,Mons. Scicluna fakkar li Ġesù rebaħ fuq ix-xitan u b’dik ir-rebħa, Ġesù jrebbaħna miegħu.
Mons. Scicluna qal li bħalma l-Ispirtu tal-Mulej straħ fuq Marija, l-istess għamel fuq Ġesù sabiex jikkonsagarah u jaqtgħu minn mal-bnedmin, hu li kien Alla u sar bniedem.
Spjega li l-Ispirtu tal-Mulej ikkonsagrah għall-missjoni partikolari, biex iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, il-bxara t-tajba lill-fqajrin u jagħti d-dawl mill-ġdid lill-għomja.
Qal li ħidmet il-Mulej kienet li jxandar il-grazzja tal-Mulej, liema grazzja hija mħabba u ħniena.
Fakkar li Ġesù kien ġej minn familja sempliċi, li kulħadd kien jaf min hi. Għalhekk in-nies kienu jistagħġbu u ma jemmnnux li seta’ jwasslilhom il-bxara t-tajba.
F’dan il-kuntest, Mons. Scicluna qal li dan l-episdoju għandu aktar iqarribna lejn Ġesù u jqawwilna qalbna. 

Ritratti: Ian Noel Pace