Il-Knisja tħobb l-Ewropa u temmen fil-futur tagħha

Il-Knisja tħobb l-Ewropa u temmen fil-futur tagħha. L-Ewropa m’hix sempliċement kontinent imma biċċa xogħol spiritwali.
Din id-dikjarazzjoni għamluha l-Isqfijiet Kattoliċi Ewropej li fi tmiem il-ġimgħa ltaqgħu f’Minsk, il-Belarussja, fejn ġeddew l-impenn tagħhom li jipparteċipaw b’entużjażmu fil-progress ta’ dan il-kontinent li għandu ħafna x’joffri lil kulħadd.
Il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Ewropej trid tippromwovi l-għaqda bejn il-mexxejja spiritwali tad-diversi pajjiżi u tfittex toroq kif il-vuċi t’Alla tasal f’widnejn il-popli Ewropej.
"Fejn jista’ wieħed isib id-dinjità umana jekk mhux f’Ġesù l-Iben t’Alla li sar bniedem?", sdtaqsew l-isqfijiet.
Fil-messaġġ li ħarġu wara l-konferenza qalu li l-Evanġelju ta’ Kristu hu s-sors prinċipali tal-istorja Ewropea, iċ-ċivilizzazzjoni umana tagħha, id-demokrazija, id-drittijiet umani kif ukoll tar-responsabbiltajiet kbar li għandu dan il-kontinent.
Minkejja l-imbutattura lejn l-iżolament, l-isqfijiet jemmnu  fl-unità fl-ideali spiritwali u etiċi li dejjem kienu r-ruħ u d-destin tal-Ewropa.
“Bl-istess mod aħna nemmnu f’mixja kontinwa ta’ rikonċiljazzjoni li mhux biss hi parti mill-istorja imma wkoll tal-ħajja Ewropea li tirrispetta l-valur tad-diversi tradizzjonijiet u reliġjonijiet, 'l hinn mill-estremiżmu. Il-ftuħ tar-reliġjon għal relazzjonijiet ta’ solidarjetà u għaqda u jirriflettu d-dinjità unika ta’ kull persuna kif jurina l-Evanġelju”, jgħid il-messaġġ.
L-Evanġelju wera t-triq lill-Ewropa li mhux dejjem kienet triq faċli u kellha l-iżbalji u t-tfixkil tagħha.
Il-fenomenu tal-emigrazzjoni jinftiehem fir-ruħ Ewropea fil-forma tal-merħba, integrazzjoni u l-legalità minkejja l-ħafna diffikultajiet u biża’.
L-isqfijiet qalu li huma konxji tal-isforzi li hemm bżonn biex tinqasam ir-responsabbiltà tal-emigrazzjoni.
Inkoraġġew lill-pajjiżi u l-popli tagħhom  biex jirreaġixxu għall-mewġa ta’ sekulariżmu li jittantana ngħixu mingħajr Alla u nwarrbuh fl-isfera privata u b’hekk inkunu qed insaqqu ż-żerriegħa tal-individwaliżmu u noħolqu s-solitudni.