Filmat: ​Il-Knisja tħabbar għajnuniet ġodda għat-tfal u adulti vulnerabbli

Il-Knisja ħabbret li permezz tal-Kummissjoni għall‑Ħarsien tat‑Tfal u l‑Adulti Vulnerabbli (Safeguarding Commission), se toffri s‑servizzi tagħha lill‑għaqdiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu mal‑minuri u li ma jiffurmawx parti mill‑Knisja.
Waqt il‑preżentazzjoni tar‑rapport tas‑Safeguarding Commission għas‑sena li għaddiet, il-Kap tas-Safeguarding Commission Andrew Azzopardi spjega li dan qed isir bil‑għan li l-Kumissjoni tkompli toħloq għarfien dwar il‑prevenzjoni mill‑abbuż u l-importanza ta’ ambjent sikur fil-komunità. Is‑servizzi jinkludu żvilupp ta’ policy ta’ ħarsien skont il‑ħtiġijiet tal‑entità, taħriġ lill‑ħaddiema u l‑voluntiera, risk assessments ta’ individwi li qed jaffaċċjaw allegazzjonijiet jew jinstabu ħatja ta’ abbuż, u kwalunkwe parir professjonali ieħor relatat mal‑prevenzjoni tal‑abbuż.
Taħriġ lil aktar minn 600 persuna li jaħdmu fil-Knisja
Andrew Azzopardi qal li dawn is‑servizzi qed jiġu offruti diġà mill‑Kummissjoni lill‑entitajiet tal‑Knisja. Spjega li s-sena l-oħra, il-Kummissjoni tat taħriġ lil aktar minn 600 persuna li jaħdmu fil‑Knisja. Dawn jinkludu: għalliema, care‑workers, katekisti, saċerdoti, membri fl‑ordnijiet reliġjużi, seminaristi, u voluntiera. Il-Knisja kompliet tinvesti fis‑Safeguarding Commission bl‑impjieg ta’ professjonista oħra fir‑rwol ta’ Safeguarding Officer, biex dawn is‑servizzi kollha jinfirxu u jiġu offruti wkoll barra l‑Knisja.
Jonqsu l-ilmenti lill‑Kummissjoni
Matul l-2016, minn 12‑il ilment ta’ minuri li rċeviet il‑Kummissjoni, żewġ allegazzjonijiet ġew issostanzjati u ttieħdu l‑passi. Il-każi l‑oħra konklużi jew ma ġewx ippruvati jew ġew riferuti lill‑entitajiet relevanti għax ma kinux fir‑remit tal‑Kummissjoni. Sa Diċembru kienet qed issir l‑evalwazzjoni ta’ 12‑il ilment, li f’sitta minnhom ġiet imposta restrizzjoni fuq l‑attività pastorali bħala prekawzjoni.
L-evalwazzjoni saret f’inqas minn sitt xhur
Fil-każ ta’ adulti vulnerabbli, l‑evalwazzjoni tal-każi konklużi saret f’inqas minn sitt xhur. Minn 12‑il ilment li rċeviet il-Kummissjoni fl-2016, kien hemm 4 każi fejn l‑allegazzjoni ġiet sostanzjata u ttieħdu l‑passi meħtieġa f’kull każ. L‑evalwazzjoni tal-każijiet l‑oħra konklużi, jew ma ġewx ippruvati jew ġew riferuti lill‑entitajiet relevanti għax ma kinux fir‑remit tal‑Kummissjoni. Sa tmiem is‑sena li għaddiet kienet qed issir l‑evalwazzjoni ta’ għaxar ilmenti, u filwaqt li f’kull każ ittieħdet l-azzjoni meħtieġa, f’wieħed minnhom ġiet imposta restrizzjoni fuq l‑attività pastorali bħala prekawzjoni.
Il-Knisja tkompli toffri l-kontribut fuq livell nazzjonali
Andrew Azzopardi qal li l‑Kummissjoni tal-Knisja se tkompli toffri l‑kontribut tagħha fuq livell nazzjonali, kif għamlet is‑sena l‑oħra meta rrakkomandat lill-Istat it‑twaqqif ta’ awtorità għall‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli. Awtorità bħal din taħdem biex, fl‑aħjar interess tal‑minuri, tiġi implimentata sistema ta’ qsim ta’ informazzjoni bejn l‑organizzazzjonijiet li jaħdmu mat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli.
Laqgħat mal-Ministru tal-Edukazzjoni dwar Awtorità Nazzjonali
Il-Kap tas-Safeguarding Commission qal ma’ Newsbook.com.mt li kellu laqgħat mal-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Ministru tal-Ġustizzja dwar kif tista’ ssir struttura nazzjonali għall‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli.
Spjega li saru numru ta’ laqgħat ma’ rappreżentati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u fil-ġimgħat li ġejjin se jiltaqa’ mal-Ministru Bartolo biex jiddiskutu l-aħjar modi biex jimxu ‘l quddiem. 
Konferenza internazzjonali dwar il-prevenzjoni mill-abbuż
Fuq livell internazzjonali, is-sena li għaddiet il‑Kummissjoni kkollaborat mal‑Catholic Safeguarding Service tal‑Iskozja u maċ‑Ċentru għall‑Ħarsien tat‑Tfal (Centre for Child Protection) tal‑Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma, biex torganizza konferenza internazzjonali dwar il‑prevenzjoni mill‑abbuż. L‑Arċisqof Charles J. Scicluna kien wieħed mill‑kelliema ewlenin tal‑konferenza.
Is‑Safeguarding Commission tal-Knisja tappella lill‑pubbliku biex jikkuntattja lill‑Pulizija  dwar kwalunkwe tħassib relatat ma’ abbuż. Barra minn hekk, jista’ jsir kuntatt mal-Kummissjoni fuq info@safeguarding.org.mt jew permezz tas‑sit www.safeguarding.org.mt.
Tista' taqra r-rapport annwali sħiħ hawnhekk:
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja – INP