Il-Knisja tgħin fl-isforz globali biex jinqered il-ġuħ

Il-Papa jinsisti ma' delegati tal-FAO biex titwaqqaf il-ħela

F’laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni mill-Organiżazzjoni tal-Ikel u l-Agrikultura (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti li tiltaqa’ f’Ruma, il-Papa Franġisku qal li l-mira li jispiċċa l-ġuħ fid-dinja hi sfida kbira, anke jekk wieħed jammetti  li sar progress kbir fl-aħħar snin. Hu qal li biex nikkumbattu n-nuqqas ta’ ikel u ilma tax-xorb irridu mmorru fl-oriġini ta’ din it-traġedja li hi n-nuqqas ta’ kumpazzjoni u n-nuqqas ta’ nteress minn ħafna u n-nuqqas ta’ rieda politika u soċjali biex ikunu onorati obbliġi internazzjonali.

“In-nuqqas ta’ ikel u ilma mhux problema esklussiva u interna ta’ dawk il-pajjiżi  l-aktar foqra u vulnerabbli, imma tolqot lil kull wieħed u waħda minnha. Għalhekk b’mod responsabbli irridu nsibu mod kif intaffu t-tbatija ta’ ħafna minn ħutna li għandhom dawn in-nuqqasijiet.  Aħna lkoll imsejħa bie nisimgħu l-karba ddisprata tagħhom  u ngħinuhom biex jibqgħu ħajjin u jkollhom l-aktar drittijiet bażiċi tagħhom rispettati.

Innaqsu l-ħela

“Xi ħaġa li żgur nistgħu nagħmlu hi li nnaqasu il-ħela ta’ ikel u ilma. Biex nagħmlu dan irid ikun hawn tagħrif akbar tal-problema u sens akbar ta’ responsabbiltà soċjali kemm b’mod immedjata kif ukoll fit-tul. Dan għandu jwassal biex iż-żgħażagħ jgħaddu dan il-messaġġ lill-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu u jirrealizzaw  li din it-traġedja soċjali ma tistax tkun tollerata aktar”.

Papa Franġisku żied jgħid li “hemm rabta evidenti bejn l-instabilità ambjentali, in-nuqqas ta’ sigurtà fil-provvista tal-ikel u l-movimenti migratorji. Iż-żjieda fin-numru ta’ refuġjati madwar id-dinja fl-aħħar snin, uriena li l-problemi ta’ pajjiż huma problema għall-familja umana kollha. Għalhekk, fl-aktar reġjuni vulnerabbli jrid ikun hemm żvilupp agrikolu billi nsaħħu r-riżorsi tal-art. Dan jista’ jintlaħaq biss billi min-naħa ninvestu fl-iżvilupp tat-teknoloġija u min-naħa l-oħra billi noħolqu politika ta’ żvilupp innovattiva u solidali.

Aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi

“L-FAO u organiżazzjonijiet internazzjonali oħra għandhom sehem importanti biex jikkoordinaw il-miżuri meħtieġa u deċiżivi maħsuba biex jassiguraw li kulħadd, partikolarment il-foqra ikollhom aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi.

“Dawn il-korpi multilaterali irid ikollhom l-appoġġ tal-Gvernijiet, in-negozju, l-akkademiċi, l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili u persuni individwali.  Jekk isir sforz flimkien jintlaħqu l-miri u l-impenji li diġa’ ttieħdu permezz ta’ programmi u politika kapaċi tgħin lill-popolazzjonijiet lokali biex ikabbru sens ta’ responsabbiltà għal pajjiżhom, il-komunitajiet tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar għal ħajjithom stess.

“Nixtieq nagħlaq billi nafferma mill-ġdid l-impenn tas-Santa Sede li tikkoopera mal-Organiżazzjoni tal-Ikel u l-Agrikultura tan-NU u tgħin fl-isforz globali biex ikun eliminat il-ġuħ mid-dinja u biex nassiguraw futur aħjar għall-pjaneta tagħna u għall-umanita kollha”, temm jgħid Papa Franġisku.