Il-Knisja temmen aktar minn qabel fil-Proġett Ewropew

Il-Knisja temmen aktar minn qabel fil-Proġett Ewropew u tħoss li mixja flimkien bażata fuq il-valuri hi l-aħjar triq għax Ewropa magħquda tfisser paċi f’dinja fejn il-paċi ma tistax tkun garantita.
Dan iddikjarah il-Kardinal Reinhard Marx ta’ Munich li hu l-President tal-Kummissjoni tal-Isqfijiet għall-Unjoni Ewropea meta riċentement iltaqa’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker.
Kemm ilha mwaqqfa l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet li kien hemm qabilha, l-Ewropej ibbenfikaw minn perjodu ta’ paċi, it-tixrid tad-demokrazija, liberta’ akbar biex jaħdmu, jivvjaġġaw u jistudjaw, sostna l-Kardinal Marx.
Skont Artiklu tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea għandu jkun hemm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari bejn l-UE u l-Knisja.
Fi stqarrija li ħarġu waa din il-laqgħa, il-Kardinal Marx u r-Reverendu Christopher Hill, President tal-Konferenza tal-Knejjes Ewropej, qalu li s-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma joffri opportunita’ ta’ riflessjoni dwar l-Ewropa u d-direzzjoni għall-futur.  L-isfidi tal-lum jinħtieġu ħidma akbar favur il-paċi, il-ġustizzja u s-solidarjeta’. L-Ewropa magħquda tista’ tiffaċċja t-tibdil soċjali u ekonomiku li ġiebet il-globaliżazzjoni, inkluż l-inugwaljanza soċjali li għad hawn fl-Ewropa stess.
Meta f’Novembru 2014, il-Papa Franġisku kien indirizza l-Parlament Ewropew, kien iddeskriva l-Ewropa bħala “punt ta- riferenza għall-umanita’” u appella biex l-Ewropa tagħraf u tgħix il-missjoni tagħha billi tifittex dak li jgħaqqadha u sservi l-kawża għall-paċi.
Fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, bejn is-27 u d-29 ta’ Ottubru Ii ġej il-Vatikan se jorganizza Kungress bit-tema: Re-Thinking Europe li fih għandu jkun hemm djalogu u riflessjoni bejn l-Isqfijiet, rappreżentanti politiċi flimkien mal-Papa Franġisku.