Il-Knisja tat $200 miljun f’għajnuna lill-poplu tas-Sirja

Is-sena li għaddiet biss, il-Knisja Kattolika permezz tad-diversi aġenziji tagħha tat b’kemm jiswew 200 miljun dollar f’għajnuna diretta li madwar 4.6 miljun persuna fis-Sirja u r-reġjun.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza internazzjonali dwar is-Sirja li saret fi Brussels il-ġimgħa li għaddiet, Mons Paul Richard Gallagher, Segretarju għar-Relazzjonijiet tal-Vatikan mad-diversi Stati, qal li l-Knisja għandha l-pjaċir li tipparteċipa fl-appoġġ għall-poplu tas-Sirja.
Meta jagħtu din l-għajnuna, l-aġenziji Kattoliċi ma joqgħodux jagħmlu distinzjoni bejn l-identita etinika u reliġjuża ta’ dawk megħjuna imma tħares biss lejn l-aktar vulnerabbli, huma ta’ liema reliġjon huma u ta’ liema nazzjon jew razza huma.
Mons Gallagher qal li filwaqt li sfortunatament, il-kriżi fis-Sirja issa daħlet fis-sitt sena, il-Vatikan jibqa’ mħasseb ħafna dwar it-tbatija umana tremenda li qed tolqot miljuni ta’ tfal innoċenti u persuni ċivili oħra li huma mċaħħda minn għajnuna umanitarja essenzjali u mċaħħda wkoll minn faċilitajiet mediċi u mill-edukazzjoni.
Il-Knisja tappella biex il-liġi umanitarja internazzjonali tkun rispettata b’mod sħiħ, partikolarment fejn tidħol il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili biex dawn in-nies ikollhom garanzija ta’ aċċess għall-assistenza medika li għandhom bżonn. Is-Santa Sede esprimiet ukoll it-tħassib tagħha għat-trattament u l-kundizzjonijiet li qed ikunu suġġetti għalihom priġunieri u detenuti.
Dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja kien tkellem ukoll il-Papa Franġisku aktar kmieni din is-sena meta kellem lill-Korp Diplomatiku akkreditat għall-Vatikan.  Dakinhar il-Papa appella lill-komunita’ internazzjonali biex tagħmel kull sforz u tinkoraġixxi li jkun hemm sforz serju biex jintemm il-konflitt f’dan il-pajjiż li qed jikkawża katastrofi umana.
F’Jannar li għadda, il-Caritas li hi aġenzija Kattolika fetħet uffiċċju fil-parti Musulmana ta’ Aleppo filwaqt li l-Knisja nidiet il-proġett “Sptarijiet Miftuħa” bl-iskop li jinfetħu l-isptarijiet Kattoliċi f’Aleppo u Damasku biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali partikolarment il-foqra u dawk żvantaġġjati.