
Il-Caritas fil-Filippini qed tappella lid-diversi djoċesijiet tal-pajjiż biex juru solidarjetà u joffru għajnuna finanzjarja biex ikunu megħjuna l-vittmi tat-terremot li għamel il-Ħadd 28 ta’ Lulju li laqat l-inħawi ta’ Batanes.
Caritas, li hi aġenzija tal-Knisja, immexjatament offriet isi-somma ta’ 200,000 Peso għall-ħidma ta’ salvataġġ fl-inħawi milquta. “Iżda billi hemm il-biża’ ta’ aktar maltemp u ħsarat matul din is-sena, l-organiżazzjoni trid toqgħod ferm attenta kif tuża’ l-flus tagħha”, qal l-Arċisqof Rfolando Tria Tirona, Direttur Nazzjonali tal-Caritas fil-Filippini.
“Għalhekk qed nagħmlu appell għas-solidarjetà mid-djoċesijiet kollha. Ejja ngħinu lid-djoċesi ta’ Batanes biex tgħin lill-familji milquta u tibni mill-ġdid il-knisja li ġarrbet ħsarat kbar”, qal l-Isqof. Kulmin jixtieq joffri donazzjonijiet għal dan l-iskop jista’ jibgħathom fil-kont bankarju tal-Caritas tal-Filippini – Intramuros Manila branch.
Il-Knisja f’ħidma umanitarja
Il-Gvern u gruppi umanitarji qed jaħdmu kemm jifilqu biex iwasslu l-għajnuna f’Itbayat, l-aktar inħawi milquta miż-żewġ theżżiżiet li laqtu l-provinċji fit-tramuntana tal-Filippini. “U l-Knisja qed tipprova tikkumplimenta din il-ħidma umanitarja” qal l-Arċisqof Tirona.
Sa nhar it-Tnejn li għadda n-numru ta’ vittmi konfermati li mietu kien ta’ disa’ persuni. Iżda barra dawn, it-terremot ġarraf djar u bini storiku tant li 911-il familja li jinkludu aktar minn 3,000 persuna spiċċaw bla dar.
L-Isqof Danilo Ulep ta’ Batanes esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha milquta mit-terremoti u qal li qed joffri talb għall-persuni mejta u għal għexieren oħra li sfaw midruba. “Nitolbukom tkompli titolbu għal dawk li ntlaqtu direttament minn din it-traġedja”, appella l-Isqof Ulep.