Il-Knisja tappella għall-protezzjoni tat-tfal f’żoni ta’ kunflitt

Tfal Rohingya li jinsabu maqbuda f'kunflitt

Skont l-Arċisqof Bernardito Auza, Nunzju Appostoliku u rappreżentant permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Uniti, jekk nipproteġu t-tfal li jinsabu f’żoni ta’ kunflitt inkunu qed nipprevjenu aktar kunflitti fil-ġejjieni.

L-Arċisqof Auza għamel dan l-appell fil-bidu tal-ġimgħa waqt dibattitu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

It-tfal huma dawk li l-aktar isofru f’kull gwerra jew kunflitt. Għat-tfal li huma maqbuda f’kunflitti armati, qatt mhu tard li nagħmlu xi ħaġa biex insalvawhom u nirrijabilitawhom. Il-mod kif nittrattaw lil dawk milquta mill-ġlied għandu konsegwenza mhux biss fuq il-futur tagħhom, imma fuq id-dinja kollha kemm hi.

Jekk naqtgħu qalbna minnhom, ifisser li qed nabbandunaw il-komunitajiet tagħhom u lil pajjiżhom. Għal dawk li jinsabu fil-periklu li jinqabdu fil-ġlied, irridu nagħmlu xi ħaġa issa. Ma nistgħux nitilfu din il-ġenerazzjoni ta’ tfal li bħalissa huma f’riskju kbir, insista r-rappreżentant tal-Vatikan.

Hu qal li r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dawn it-tfal jagħti dettalji tar-rata xokkanti u l-ħruxija kontra t-tfal f’żoni ta’ kunflitt madwar id-dinja. Hu ta’ qsim il-qalb li tfal inqatlu jew sfaw immankati jew użati bħala tarek jew bombi umani.

Filwaqt li aħna ma nistgħux insolvu l-kunflitti kollha li bħalissa qegħdin fuq l-aġenda tal-Kunsill tas-Sigurtà, nistgħu nagħmlu aħjar biex nipproteġu lit-tfal li jsofru l-konsegwenzi devastanti ta’ dan il-ġlied.

“Għandna l-għodda biex nipprevjenu dawn l-abbużi fuq it-tfal f’żoni ta’ kunflitt u nassiguraw li dawk li qed iwettqu dawn l-abbużi jinżammu responsabbli. Jeżisti kunsens uniku bejn il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà u fil-komunità internazzjonali kollha dwar dan u għalhekk għandna nagħmlu minn kollox biex ngħinu lil dawn it-tfal”, qal l-Arċisqof Auza.