Il-Knisja tappella dwar prattiċi fl-immaniġġjar tal-iskart

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qed tappella bil-qawwa liċ-ċittadini b’mod partikolari lill-Insara, biex jużaw iktar prattiċi fl-immaniġġjar tal-iskart.

Fi stqarrija maħruġa matul ix-Xahar tal-Ħolqien, il-Kummissjoni Ambjent (KA) tfakkar fi kliem il-Papa Franġisku, li jgħid li anke jekk l-awtoritajiet ma jagħmlux xogħolhom f’dan il-qasam, iċ-ċittadini għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb “id-dar komuni, li għal ħafna żmien ġiet ittraskurata”.

Insistiet fuq l-effiċjenza fl-immaniġġjar tal-iskart permezz ta’ 3 prattiċi: li  jnaqqas l-użu (reduce), jerġa’ juża’ xi oġġetti (reuse) u jirreċikla fejn hemm bżonn (recycle).

Il-KA daħlet fid-dettall dwar is-sistema magħrufa bħala t-3 Rs.

  1. Naqqas l-iskart

Il-KA tispjega li t-tnaqqis tal-iskart huwa l-mod l-aktar effettiv li bih wieħed jista’ jirbaħ il-ġlieda kontra l-iskart. Issostni li inqas ma jinħoloq skart inqas ikun hemm problema biex wieħed jara x’se jagħmel bih.

Filwaqt li tistenna bil-ħerqa l-qafas politiku dwar il-kwistjoni tas-single-use plastic li l-ERA qed tħejji għall-konstulazzjoni pubbliku, il-Kummissjoni tkompli tappella biex ċittadini individwali, organizzazzjonijiet u produtturi ma jużawx iżjed oġġetti tal-plastik li jintużaw darba u jintremew bħal tazzi, platti, pożati, straws, boroż u fliexken tal-ilma tal-plastik.

Intant stiednet lill-awtoritajiet biex jimpenjaw ruħhom sabiex tiġi msaħħa u infurzata bis-serjetà l-liġi li tipprojbixxi l-użu tal-basktijiet tal-plastik u ssir estensjoni tagħha biex tinkludi l-boroż tal-plastik, ir-rilaxx ta’ bżieżaq (balloon releases) u l-użu plastik li jintuża darba biss.

  1. Erġa’ uża

Il-Kummissjoni nnutat li minkejja ż-żieda ta’ skart iġġenerat fil-pajjiż, qed ikun hemm żieda wkoll ta’ websajts u gruppi lokali fuq Facebook, kif ukoll entitajiet li qed jiġbru u jagħmlu użu mill-ġdid ta’ oġġetti li għadhom tajbin biex jerġgħu jintużaw.

  1. Irriċikla

Il-Kummissjoni tinsisti li n-Nisrani jinsab fid-dmir li jikkopera mal-awtoritajiet u l-kumpaniji li jimmaniġġjaw l-iskart sabiex jitkabbar il-persentaġġ ta’ skart riċiklat. Dan qaluh fid-dawl tat-tnedija tal-inizjattiva nazzjonali għall-ġbir tal-iskart organiku.

“Ninnutaw l-inizjattivi ta’ bosta biex iħarsu l-ambjent”

Il-Kummissjoni sostniet li tinnota b’mod pożittiv l-inizjattivi li ħadu bosta individwi, organizzazzjonijiet, u awtoritajiet bħal cleanups li jsiru f’bosta lokalitajiet sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-iskart f’Malta. Fost l-oħrajn faħħret l-inizjattiva ta’ Puttinu Cares u l-Kumitat Festi Esterni ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi li qalu li mhux se jitilqu bżieżaq fl-arja waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom.

Ix-Xahar tal-Ħolqien beda fl-1 ta’ Settembru u jintemm fl-4 ta’ Ottubru,f’jum il-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi.

Aqra l-istqarrija sħiħa minn hawn.