Il-knisja ta’ San Mikiel fin-Nicaragua assedjata u l-Katidral ta’ Managua profanat

Quddiesa fil-knisja ta’ San Miguel f’Masaya © Arquidiócesis De Managua

Fl-14 ta’ dan ix-xahar, il-knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu li tinsab f’Masaya, fin-Nicaragua kienet ċirkondata mill-pulizija u truppi paramilitary u erbat ijiem wara, il-Katidral ta’ Managua, daħlu fih u kien profanat.

Skont rapport fil-media lokali, kellha tkun ċelebrata Quddiesa fil-Katidral biex isir talb għall-priġunieri politiċi.  Meta fil-knisja bdew jaslu n-nies, il-pulizja ħolqu speċi ta’ ħajt twil 300 metru biex ma tħallewx jidħlu aktar nies fil-knisja u dawk li kien hemm ġewwa ma setgħux joħorġu.  Sadattant, maqbuda fil-knisja kien hemm 10 nisa, ommijiet ta’ priġunieri politiċi, Fr. Edwin Roman u l-viċi tiegħu.

L-istess sorsi r-rappurtaw li minn dak il-ħin stess l-għaxar ommijiet bdew strajk tal-ġuħ biex jitolbu għall-ħelsien ta’ uliedhom mill-ħabs. L-awtoritajiet ireaġixxew billi ssospendew is-servizz tad-dawl u l-ilma lill-knisja.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Vatican News irrappurtat li l-Arċidjoċesijiet ta’ Managua, Masaya u Carazo kif ukoll l-Organiżazzjoni tal-Istati Amerikani u l-Gvern Spanjol ikkundannaw il-pass li ħadu l-awtoritajiet tal-pajjiż.

Stqarrija mill-Kardinal Brenes

F’dikjarazzjoni li għamel fuq l-istazzjon Kattoliku tan-Nicaragua, il-Kardinal Leopoldo Brenes, Arċisqof tan-Nicaragua, ikkundanna l-assedju u s-sospensjoni tad-dawl u l-ilma fil-parroċċa u talab lill-entijiet responsabbli minn dawn is-servizzi essenzjali biex jerġgħu jagħtu dawn is-servizzi bħala “ġest umanitarju”.

Fis-17 ta’ Novembru, Father Edwin Roman iċċelebra Quddiesa għall-ommijiet tal-priġunieri politċi iżda sal-lum il-Knisja ta’ San Mikiel għadha ċirkondata mill-pulizija.

Attakk fuq qassis u soru

 Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Managua ddeskriviet kif gruppi vjolenti li jissimpatizzaw mal-Gvern tal-pajjiż, daħlu bil-forza u ħadu kontroll tal-Katidral Metropolitan ta’ Managua.

Meta dawn kienu mċanfra minn Fr, Rodolfo Sanchez u Sur Arelys Guzman, ħabtu għalihom u sawwtu lill-qassis u lis-soru li kellhom jitilqu mill-knisja.

F’dak il-lejl stess, membri tal-istess grupp, kissru s-sokor tal-knsija, daħlu u pprofanaw il-Katidral.

Kundanna

L-Arċidjoċesi ta’ Managua, fi stqarrija, “ikkundannat dawn l-atti ta’ profanazzjoni, assedju u intimidazzjoni u sostniet li dawn mhux se jġibu l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż u talbet lill-President Daniel Ortega u lill-Viċi President tal-pajjiż biex jieħdu passi immedjati biex il-knejjes Kattoliċi kollha jkunu rispettati”.

Il-Knisja talbet ukoll lill-pulizija biex tirtira l-membri tagħha li għadhom qed jassedjaw il-knisja u jiequ milli jintimidaw il-Katidral u l-parroċċi Kattoliċi.