Ristorant ta’ saċerdot jilqa’ l-fqar u dawk fil-bżonn

Ristorant saċerdot jilqa' fqar Knisja imwejjed
L-imwejjed lesti għall-ikel fil-knisja qishom f'restaurant

Il-Knisja ta’ San Eustachius f’Ruma tinsab bejn il-Pantheon u l-bini fejn jiltaqa’ s-Senat, fil-qalba tat-turisti u l-politiċi.  Matul is-sena ħafna turisti jitħalltu man-nies tal-lokal f’din il-pjazza popolari.

Kuljum minbarra l-Ħadd, bejn 130 u 160 persuna jiltaqgħu fil-knisja fir-ristorant magħruf bħala “Don Pietro’s Friends”. Il-ħbieb ta’ Dun Pietru Sigurani ta’ 82 sena jinkludu emigranti, żingari u Taljani ta’ kull età, flimkien ma’ voluntiera u donaturi li jippreparaw l-ikel. Fost il-voluntiera hemm Florence Boyrie Journau flimkien mal-istudenti tagħha, biex jagħtu daqqa t’id.

“Iż-żgħażagħ  tagħna jridu japprezzaw li kulħadd jixraqlu jkollu d-dinjità u l-ħbieb. Ara kemm huma sbieħ in-navi u l-portiku mżejna bil-fjuri friski”, qalet l-għalliema.

Kuljum, kooperattiva soċjali tipprovdi l-ikel li jkun jinkludi soppa, għaġin, laħam jew ħut u frott. “L-ikel imur fl-istonku imma l-ġentilezza murija mal-foqra tidħol fil-qalb”, jgħid Dun Pietru. “Jekk id-donazzjonijiet ma jwasslux, nixtri l-ikel minn flusi”, qal il-qassis.

Għalkemm ġej minn familja fqira, Fr Sigurani għamel b’missjoni tiegħu li jaħdem għad-dinjità ta’ dawk li huma esklużi. “Biex tagħmel opri ta’ karità b’mod xieraq, il-Knisja trid tneħħi l-ġid li għandha u tagħtihom lill-fqar. Dan kollox. Personalment jien qatt ma aċċettajt għajnuna mingħand il-Gvern.  Ir-ristorant tant kapaċi jimxi grazzi għad-donazzjonijiet u l-attivitajiet li norganizzaw”, qal Dun Pietru.

Is-saċerdot issa qed jaħdem fuq proġett ieħor flimkien ma’ grupp minn Ruma msejjaħ “Il-foqra fiċ-ċentru”, bl-iskop li l-foqra jkollhom stima aħjar tagħhom infushom.  Issa qed jippjana li jiftaħ “Dar il-Ħniena”, eżatt quddiem is-Senat Taljan. Il-periti u l-ħaddiema bħalissa qed jaħdmu bla waqfien biex ilestu l-post.

Dan il-qassis b’qalb tad-deheb qal li l-Papa Franġisku wiegħdu li jkun miegħu għall-ftuħ uffiċjali ta’ Dar il-Ħniena, fix-xitwa li ġejja.