Il-Knisja ta’ Ġieżu ma tiflaħx piż ta’ koppla

Il-Knisja ta’ Ġieżu tar-Rabat, li x-xahrejn ilu ċeda parti mis-saqaf tagħha, ma tiflaħx piż ta’ koppla.
Dakinhar stess li l-Patrijiet Franġiskani nħasdu meta marru biex jiftħu l-knisja u sabu l-presbiterju mirdum taħt it-terrapien, urew ix-xewqa li tinbena koppla.
Din il-ħolma kienet ilha tberren f’moħħ il-komunita Franġiskana Rabtija u anke dawk li jiffrekwentaw din il-knisja.
Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn il-bini ta’ din il-knisja antika, jinnota li l-bażi tal-koppla qiegħda hemm, iżda lbieraħ il-Patrijiet Franġiskani ħabbru li l-periti waslu għall-konklużjoni li l-knisja ma tiflaħx għal dan il-piż.
Mill-istudju li sar mid-ditta Terracore, wara l-qoxra tal-ġebel instab il-maskan.
Għalhekk, mill-ġimgħa d-dieħla se jkunu qed jibdew it-tħejjijiet biex is-saqaf jerġa’ jingħalaq b’mod permanenti kif kien qabel l-inċident.
Wara, il-Patrijiet jaħsbu biex jinħadem is-suffitt biex aktar tard, l-artist Adonai Camilleri Cauchi jpitter din il-parti tas-saqaf biex tikkumplimenta l-bqija tal-pittura.
Il-Patrijiet irringrazjaw lil dawk kollha li taw id-donazzjonijiet u qalu li se jkunu qed iwaqqfu l-ġbir hekk kif b’dak li nġabar sa issa jikkalkulaw li jħallsu l-ispejjeż.