Il-Knisja ssellem lil Stephen Hawking

Diversi mexxejja u organizzazzjonijiet tal-Knisja Kattolika sellmu l-memorja tax-xjenzjat Stephen Hawking li miet fl-Ingilterra nhar l-Erbgħa li għadda, fl-età ta’ 76 sena.
Hawking, li kien jistqarr li ma jemminx f’Alla, kien membru stimat ħafna tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi fejn kien joħloq dibattitu dwar ix-xjenza u l-fidi. F’ħajtu ltaqa’ ma’ erba’ Papiet u dejjem qalilhom li ried imexxi 'l quddiem ir-relazzjoni bejn il-fidi u x-xjenza.
L-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenza, li kienet twaqqfet mill-Papa Piju IX fl-1847, qalet li kienet iddispjaċuta ħafna  bil-mewt ta’ Stephen Hawking li ta kontribut qawwi fil-ħidma tal-Akkademja.
Min-naħa l-oħra l-Osservatorju tal-Vatikan esprima l-kondoljanzi tiegħu mal-familja tax-xjenzjat u qal li jivvalorizza il-kontribut xjentifiku enormi li ta’ Hawking li wera kuraġġ kbir quddiem il-marda li ħakmitu.
Il-Kardinal Nicholas Vincent ta’ Westminster irringrazzja lil Hawking għall-kontribut kbir tiegħu fil-qasam tax-xjenza u qal li l-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi kienet se tħoss ħafna n-nuqqas tiegħu.
Min-naħa tiegħu l-Arċisqof Anglikan Justin Welby qal li l-kontribut ta’ Hawking għax-xjenza kien bla limitu bħall-univers li ddedika ħajtu biex jipprova jifhmu. Hu għex ħajtu b’kuraġġ u passjoni. L-Arċisqof ta’ Canerbury filwaqt li talab biex Hawking jistrieħ fis-sliem għadda wkoll il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
Il-Papa Pawlu VI fl-1986, kien ħatar lil Hawking bħala membru tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi li l-membri tagħha jinħatru fuq il-kredenzjali akkademiċi u l-esperjenza professjonali tagħhom u mhux skont ir-reliġjon tagħhom.
Meta Hawking kien għad għandu 33 sena, il-Beatu Pawlu VI kien ta lil dan ix-xjenzjat Ingliz il-Midalju Piju XI, premju prestiġjuż ħafna.
L-Akkademja Pontifiċja, b’vot unanimu, kienet qablet li Hawking kellu jingħata dan il-premju b’rikonoxximent tax-xogħol kbir u eċċezzjonali u l-kontribut importanti tiegħu fir-riċerka xjentifika.