Il-Knisja Spanjola kontra li jieqaf it-tagħlim reliġjuż fl-iskejjel

Il-Knisja Kattolika fi Spanja esprimiet it-tħassib serju tagħha għall-pjanijiet tal-Gvern Soċjalista l-ġdid li jwaqqaf it-tagħlim reliġjuż u jeżamina mill-ġdid il-ftehim tal-imgħoddi mal-Vatikan.

“Hemm bżonn li wieħed jiftakar li d-drittijiet tal-libertà reliġjuża u l-edukazzjoni huma drittijiet inaljenabbli u riflessi fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż,” qal fi stqarrija il-Kumitat Eżekuttiv tal-Konferenza tal-Isqfijiet, ibbażata f’Madrid.

“Ir-reliġjon trid tingħata kunsiderazzjoni adekwata fis-sistema edukattiva, kif titlob il-formazzjoni sħiħa tal-bniedem. Ma tistax tinbidel mal-etika imposta mill-poter pubbliku.”

Il-Gvern Spanjol qal li qed jippjana li jwaqqaf is-sussidju lill-iskejjel Kattoliċi u jneħħi r-reliġjon minn suġġett li jkun mgħallem fl-iskejjel biex minflok jidħol tagħlim obbligatorju ta’ “valuri etiċi u ċivili.”

Min-naħa l-oħra, l-Isqfijiet qed isostnu li d-dritt tal-ġenituri “li jagħżlu l-mudell edukattiv li jixtiequ għal uliedhom” kien imniżżel fil-Kostitutzzjoni Spanjola tal-1978 u garantit bi Ftehim mal-Vatikan fl-1979.