Il-Knisja Spanjola f’kawża quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja l-ġimgħa li għaddiet iddeċidiet li l-eżenzjonijiet fiskali għall-Knisja Kattolika fi Spanja, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hi illegali jekk qed tingħata għal attivitajiet ekonomiċi.
Is-sentenza ngħatat f’kawża li fetħet kongregazzjoni reliġjuża tal-Knisja Kattolika Spanjola li tmexxi skola qrib Madrid. Il-kongregazzoni talbet rifużjoni ta’ madwar €24,000 minn taxxa muniċipali li kellha tħallas biex tibni estensjoni tal-canteen tal-iskola. Il-Knisja qalet li jeżisti ftehim bejn il-Gvern Spanjol u s-Santa Sede, li ilu jeżisti minn qabel ma’ Spanja daħlet fil-Komunita’ Ewropeja, li jipprovdi li l-Knisja Kattolika għandha tkun eżentata mill-ħlas tat-taxxi.
L-awtoritajiet lokali ċaħdu t-talba għar-rifużjoni ta’ dawn il-flus għax sostniet li l-binja l-ġdida ma kellhiex skopijiet strettament reliġjużi.  Il-Kongregazzjoni ħadet il-każ quddiem il-Qorti Amministrattiv ta’ Madrid li min-naħa tagħha rreferit il-każ lill-Qorti Ewropeaa tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk din l-eżenzjoni fiskali kienitx tammonta għal għajnuna illegali mill-Istat.
Fid-deċiżjoni tagħha il-Qorti Ewropeja qalet li l-eżenzjoni fiskali kontroversjali tista’ tammonta għal għajnuna illegali mill-Istat, jekk l-attività li ssir fil-bini in kwestjoni, hi attivita’ ta’ negozju, iżda dan ried jiddeċidih Imħallef Spanjol.
Il-Qorti Ewropea ddikjarat li  l-eżenzjoni mit-taxxa kienet tissodisfa tnejn mill-erba’ kriterji li jagħmlu għajnuna mill-Istat illegali għax qed jintużaw riżorsi pubbliċi biex jingħata vantaġġ ekonomiku lill-kongregazzjoni li tmexxi l-iskola u dan qed jolqot id-dħul finanzjarju tal-muniċipalità.