Il-Knisja Slovakka titlob azzjoni dwar il-qtil ta’ ġurnalist

Il-Knisja fis-Slovakkja talbet li tittieħed azzjoni wara li ħmistax ilu nqatel ġurnalist Slovakk Jan Kuciak.
L-Arċisqof ta’ Bratislava Stanislav Zvolensky kkundanna l-qtil li hu ssuspettat li sar mill-mafja bħala attakk fuq il-libertà u d-demokrazija, u ħeġġeġ lill-insara ta' pajjiżu biex jingħaqdu flimkien kontra kull “korruzzjoni, mibgħeda, gideb u frodi".
Jan Kuciak inqatel fil-25 ta’ Frar flimkien mat-tfajla tiegħu fi Bratislava, waqt li kien qed jinvestiga l-allegat ftehim bejn il-mafja u l-Gvern taċ-Ċentru Xellugi tal-Prim Ministru Robert Fico.
Fil-priedka waqt il-funeral li sar għal Jan Kuciak fi Bratislava l-Arċisqof qal li l-Knisja staqsiet ħafna mistoqsijiet iżda rċeviet ftit risposti.
L-Arċisqof, li huwa wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Isfqijiet fis-Slovakkja, qal li jiddispjaċih ferm ta’ li ġara.
Il-qtil tal-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak wassal għal numru ta’ protesti kontra l-korruzzjoni li għadhom qed isiru fis-Slovakkja fosthom fil-kapitali, Bratislava.