Il-Knisja se tidħol fid-djalogu dwar ir-riforma tal-liġi tad-droga

L-Arċisqof Pawlu Cremona żvela li l-Knisja se tidħol fi djalogu mal-Gvern fuq il-White Paper għar-riforma tal-liġijiet dwar id-droga.
Fuq RTK, l-Arċisqof Cremona qal li l-Knisja hija stakeholder ewlenija fir-rijabilitazzjoni tal-persuni li jkunu waqgħu fil-vizzju tad-droga.
Sostna li fi ħdan il-Knisja hemm persuni li ilhom involuti bosta snin fil-kura u r-rijabilitazzjoni tad-drogati speċjalment fil-Caritas.
L-Arċisqof Cremona sostna li hemm affarijiet pożittivi li ġew inklużi fil-White Paper u li fuqhom il-Knisja kienet ilha titkellem fosthom li min jinqabad bid-droga għall-użu personali m’għandux jispiċċa l-ħabs.
Qal li d-droga ma’ kinitx ħażina għax kienet illegali iżda hija illegali għaliex hija ħażina.
L-Arċisqof Cremona sostna li hemm il-biża’ li jibda jiltaq l-inċentiv għar-rijabilitazzjoni mid-droga meta persuna tinqabad b’doża għall-użu personali.
Insista li trid tissaħħaħ il-kampanja kontra d-droga għaliex huwa importanti li niftakru li d-droga tagħfas lill-bniedem fih innifsu.
L-Arċisqof Cremona qal li fil-White Paper ukoll issir referenza dwar din l-importanza meta jingħad li d-droga dejjem tibqa’ ħażina.
Qal li fil-White Paper għad hemm elenkati ċirkostanzi fejn persuna tista tmur il-ħabs jekk titraffika d-droga.
Waqt it-tnedija tal-White Paper, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici sostna li hu wkoll irid li jidħol fi djalogu mal-Knisja fuq din il-White Paper u diġa tkellem mal-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna.