Il-Knisja rat skandli kbar imma se toħroġ nadifa u isbaħ – Il-Papa

F’laqgħa li fiha ta l-awguri tal-Milied lill-membri tal-Kurja Rumana lbieraħ, il-Papa ħa l-okkażjoni biex jitkellem dwar il-problemi u l-progress li għamlet il-Knisja f’dawn iż-żminijiet u qal li l-Knisja se toħroġ minn dawn il-problemi nadifa u isbaħ. “Il-Milied jimliena bil-ferħ u jagħtina ċ-ċertezza li ebda dnub ma hu akbar mill-ħniena t’Alla,” qal Papa Franġisku.

Il-Papa wissa li li tkun Nisrani “ma jfissirx li int f’xi grupp ta’ elite li jaħsbu li għandhom lil Alla fil-but.”  Il-Knisja dejjem trid timxi fit-triq tal-penitenza u t-tiġdid u filwaqt li hi qaddisa dejjem għandha bżonn tippurifika lilha nfisha.

Il-Papa qal li l-Knisja din is-sena ntlaqtet minn tempesti u rwiefen qawwija. Kien hemm min abbanduna l-Knisja minħabba r-rapporti dwarha. Oħrajn attakkawha għall-interessi personali tagħhom filwaqt li oħrajn ħadu gost jarawha ssawwat lilha nnifisha. Imma kien hemm oħrajn li baqgħu sodi u fidili.

Papa Franġisku tkellem dwar dak li qed ikollhom jiffaċċjaw l-emigranti, fosthom il-faqar, il-vjolenza u l-brutalità f’pajjiżhom u minn biża’ u preġudizzji fil-pajjiżi li jaslu fihom. Hemm ħafna Nsara oħra li qed isofru l-persekuzzjoni iżda “jkomplu b’kuraġġ u jippreferu l-mewt milli jiċħdu lil Kristu.”

Il-Qdusija Tiegħu tkellem fit-tul mal-membri tal-Kurja Rumana dwar “il-pjaga tal-abbuż u l-infedeltà.” “Għal xi żmien il-Knisja kienet impenjata bis-serjetà biex telimina l-ħażin u l-abbuż li jitlob vendetta quddiem Alla li jaf bit-tbatija li għaddew minnha l-vittmi minorenni minħabba li qassisin u persuni konsagrati abbużaw minnhom.”

“Min abbuża hu aktar beżgħan li jinqabad milli minn Alla jew il-ġudizzju tiegħu. Id-dnub u r-reati ta’ persuni konsagrati jkompli jikber fl-infedeltà u l-mistħija; dawn in-nies jisfiguraw lill-Knisja u jtellfu l-kredibilità tagħha,” qal il-Papa.

B’mod enfatiku, il-Papa ddikjara li “l-Knisja se tagħmel kull sforz biex isir kulma hu meħtieġ biex issir ġustizzja ma’ kull min wettaq dawn ir-reati.” Tkellem dwar il-laqgħa ta’ Frar li ġej għall-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali dwar il-Protezzjonii tal-Minuri u qal li l-Knisja terġa’ tiddikjara l-impenn tagħha biex tfittex it-triq li titnaddaf. Il-laqgħa trid tibdel l-iżbalji tal-passat f’opportunitajiet biex telimina t-tebgħa tal-abbużi sesswali.

Papa Franġisku qal li xi nies akkużaw lill-midja li injorat l-abbużi fis-soċjetà u ppruvat tagħti l-impressjoni  żbaljata li dawn l-iskandli jolqtu biss lill-Knisja. Iżda l-Papa qal li hu jirringrazzja lill-ġurnalisti li kienu onesti u oġġettivi u fittxew li jikxfu lil min abbuża u jsemmgħu leħen min kien abbużat. “L-iskandlu f’dan il-każ hu ta’ min jipprova jaħbi l-verità,” qal il-Papa.

Hu appella lill-membri tal-Kurja Rumana biex jgħinu lill-Knisja “fil-biċċa xogħol iebsa li tagħraf il-każi veri minn dawk foloz, l-akkużi ġenwini mill-inġurja, l-aggravji mill-insinwazzjonijiet, iz-zekzik mid-defamazzjoni.” Talab ukoll lil dawk li abbużaw minn minuri biex jikkonvertu u jagħtu lilhom infushom f’idejn il-“ġustizzja umana u jistennew il-ġustizzja divina.”

Ħsara oħra li ssir lill-Knisja hi “l-infedeltà ta’ dawk li jittradixxu l-vokazzjoni tagħhom u jinħbew wara intenzjonijiet tajba u jferu lil ħuthom f’daharhom billi jiżirgħu l-firda u l-biża’. Dawn jixbħu lil Ġuda l-Iskarjota li ċaħad lil Kristu iżda ma nidimx u huma jfittxu skużi intellettwali u spiritwali biex ikomplu fit-triq tal-ħażen. Aħna lkoll għandna d-dover li niġġieldu l-korruzzjoni spiritwali,” insista Papa Franġisku.

Il-Papa tkellem imbagħad dwar il-ferħ li kellha l-Knisja matul din is-sena. Hu faħħar is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ; il-progress li sar fir-riforma tal-Kurja Rumana, l-isforzi biex ikun hemm ċarezza u trasparenzi fil-finanzi tal-Vatikan, id-Digriet dwar ix-Xogħol fil-Vatikan u żviluppi pożittivi oħra. Tkellem ukoll b’mod pożittiv dwar id-19-il Martri tal-Alġerija li kienu Beatifikati riċentement u l-ħafna persuni li qed jitgħammdu fil-Knisja Kattolika kif ukoll ix-xhieda li qed jagħtu żgħażagħ li qed jiddedikaw ħajjithom għall-ħajja konsagrata jew għas-saċerdozju.

Il-Papa għamel riferenza speċjali għall-ħafna ministri tal-Knisja li “kuljum jgħixu s-sejħa tagħhom b’fedeltà, fis-silenzju, fil-qdusija u fiċ-ċaħda.” B’mod partikolari sellem lill-Kappillani li qal huma injorati mill-midja iżda li kieku ma kienx għalihom, fil-Knisja jirrenja d-dlam.

Fl-aħħar nett, Papa Franġisku stieden lill-membri kollha tal-Kurja Rumana biex jiftħu qalbhom għal Alla, “id-dawl tat-tjieba li jirbaħ fuq il-ħażen.” “Il-Milied jagħtina ċ-ċertezza li d-dawl t’Alla jkompli jiddi minkejja l-miżerja umana tagħna u l-Knisja toħroġ minn dawn id-diffikultajiet, isbaħ, pura u tiddi.”