Il-Knisja qed torganizza summit dwar l-Abbuż tat-Tfal fuq l-Internet

Matul dawn l-aħħar tliet ijiem f’Ruma kien organizzat summit sponsorjat mill-Knisja Kattolika biex jiddiskuti l-protezzjoni tat-tfal mill-esplojtazzjoni sesswali fuq l-internet. Il-laqgħa se tintemm illum meta l-Papa Franġisku jiltaqa’ u jkellem lill-parteċipanti.
Il-Konferenza organizzata miċ-Ċentru għall-Protezzjoni tat-Tfal tal-Universita Pontifiċja Gregorjana qed issir ftit ġimgħat wara li l-Vatikan sejjaħ lura wieħed mis-saċerdoti diplomatiċi tiegħu minn Washington li allegatament aċċessa l-pornografija tat-tfal fuq l-internet.
Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan talbu lill-Vatikan biex ineħħi l-immunita’ diplomtika lil dawn is-saċerdot biex ikun jisata’ jiġi investigat.  Iżda l-Vatikan kif inhi l-proċedura, sejjaħlu lura biex jinvestigah hu.
Il-laqgħa f’Ruma se tiddiskuti kif tfal u adoloxxenti jistgħu jkunu protetti, minn cyber bullying, abbużi sesswali, esplojtazzjoni u fastidju minn fuq dawn il-mezzi elettroniċi. Fost il-kelliema kien hemm ukoll il-Kardinal Pietro Parolin l-ogħla uffiċjali diplomatiku tal-Vatikan.
Il-Vatikan għamel diversi tentattivi fl-aħħar snin biex jindirizza l-problema tal-abbużi sesswali fuq l-inernet. Ftit wara l-ħatra ta’ Papa Franġisku, il-Vatikan irreveda l-Kodiċi Kriminali tiegħu biex għamel l-użu u l-ħolqien ta’ pornografija tat-tfal bħala reat kriminali li jisa’ jwassal sa 12-il sena ħabs.
Fr Hans Zollner li jmexxi ċ-Ċentru għall-Protezzjoni tat-Tfal qal li ma kull ġenitur li tkellem, dawn qalulu li ma jafux kif għandhom jikkontrollaw l-imġieba ta’ uliedhom fuq l-internet..  Hu sostna li diversi pajjiżi ma għandhomx mezzi kif jiġġieldu dawn il-problemi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali.
“Din il-Konferenza tat opportunita’ lin-nies jitkellmu bejniethom, jiddiskutu u jaraw x’miżuri jistgħu jkunu mplimentati biex it-tfal u ż-żgħażagħ jikbru f’ambjent aktar sigur u protett f’dinja li saret dinja ta’ ħafna riskji. U wieħed minn dawn ir-riskji kbar hu l-imġieba fuq l-internet”, sostna Fr. Zollner.