“Il-Knisja qed taġixxi flok il-Gvern dwar l-istudenti Għawdxin” – PN

Billi l-Knisja qed toffri lill-istudenti Għawdxin li jiġu jistudjaw Malta li joqogħdu f’2 hostels tagħha, hija qed tagħmel dak li suppost qed jagħmel il-Gvern biex jgħinhom, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Fl-istqarrija ffirmata minn Clyde Puli u Frederick Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista faħħar din l-inizjattiva tal-Knisja u qal li qiegħda taġixxi fin-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern, kif ukoll ixxejjen l-argument tal-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista kkritika din is-sitwazzjoni, fejn skontu, it-traffiku l-problemi tal-housing, aktar ma jmur aktar qegħdin jiżdiedu filwaqt li l-Gvern jibqa’ b’idu fuq żaqqu dwarhom, u ma jippruvax jgħin lill-Għawdxin jiksbu edukazzjoni għolja.

Bħala eżempju, il-PN semma każ ta’ studenta Għawdxija li qabblet il-kiri f’Malta ma’ dak ta’ kerrejja fil-Brażil.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, id-Djoċesi t’Għawdex ħarġet xi informazzjoni dwar l-istat taż-2 hostels fi Gwardamanġa u fil-Gżira. L-istudenti għandhom ċans japplikaw biex joqogħdu fihom sat-22 ta’ Settembru.