Il-Knisja Omm Ħanina

Papa Franġisk f'Dar is-Sammaritan it-Tajjeb f'Panama City

Ix-xelter “Is-Sammaritan it-Tajjeb” – dar li tinsab fi triq sekondarja fil-periferija ta’ Panama City, jilqa’ fih numru ta’ persuni morda jew b’diżabilità u hu xhieda ta’ Knisja Omm u Ħanina.

Qabel telaq mill-Panama nhar il-Ħadd wara nofsinhar, il-Papa Franġisku żar din id-dar li l-motto tagħha hu “Ħadd ma jiġi hawn biex imut”.

Bħalissa fid-dar hemm 18-il klijent, kollha morda bl-AIDS. Dawn il-persuni, kollha rġiel huma vittmi kemm tal-marda li qed iġorru kif ukoll tal-preġudizzji u l-injoranza li teżisti dwarha. Il-pazjenti li l-età tagħhom tvarja minn 16 sa 60 sena, sfaw abbandunati mill-familji tagħhom wara li mardu u sabu refuġju f’dan il-post immexxi mill-Knisja lokali. Hawnhekk jingħataw il-kura u jkunu megħjuna fil-ħtiġijiet kollha tagħhom.

Din hi parti mill-missjoni tal-Knisja, li fil-Panama, bħal ma tagħmel f’diversi pajjiżi oħra madwar id-dinja, tmexxi djar u organiżazzjonijiet li jgħinu lill-iżvantaġġjati li jsofru mhux biss minn diżabilitajiet imma minn emarġinazzjoni u esklużjoni soċjali.

Skont rapport ta’ Vatican News dwar din iż-żjara, fix-xelter inġabru wkoll 60 persuna li jirrappreżentaw erba’ fondazzjonijiet karitatevili tal-Knisja tal-Panama għal din il-laqgħa kommoventi mal-Papa Franġisku.

Il-Papa, wara li sama’ diversi stejjer atl-pazjenti morda u aċċetta r-rigali li ħadmu għalih huma stess tkellem ftit magħhom u rrimarka kif “il-wiċċ matern tal-Knisja kapaċi joħloq komunità u dar. Li toħloq dar ifisser ‘toħloq familja’. Fid-dar, kulħadd irid jaħdem flimkien, bil-paċenzja, fejn kulħadd jaħfer lil xulxin”.

“Hekk iseħħu l-mirakli”, qal il-Papa. “Hawnhekk inħossuna nitwieldu mill-ġdid għax insibu l-imħabba t’Alla li tgħinha noħolmu b’dinja aktar umana”.