Il-Knisja mistennija titlef €8 miljun minħabba l-pandemija

Tibqa' kommessa fil-ħidma biex twettaq il-missjoni tagħha.

Read in English.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ppreżentat ir-rapport finanzjarju tagħha għas-sena 2019. Ir-rapport finanzjarju tal-Knisja juri li għas-sena li għaddiet kien reġistrat surplus ta’ €3.5 miljun, meta mqabbel li huwa dovut l‑aktar għal dħul straordinarju ta’ darba ta’ €2.4 miljun f’ishma li rċevew b’donazzjoni d‑Dar tal‑Providenza u Caritas Malta mill-grupp PG.

Madankollu dan is-surplus mistenni, ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall‑isfidi finanzjarji li ġabet magħha l‑pandemija tal‑COVID‑19, fejn l‑Arċidjoċesi kellha tirrikorri għall‑flus imġemmgħin fil‑passat.  

Il-Knisja mistennija titlef €8 miljun minħabba l-pandemija 

Il-Kurja qed tistma li l-pandemija tal-coronavirus se tkun tfisser telf ta’ €8 miljun.

F’intervista waqt Newsbook Hour, Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Maltija qal li ma kienx ikun għaqli li wieħed ma jpoġġix ir-riżultati finanzjarji tas-sena l-oħra, mingħajr ma nagħtu kas x’qed jiġri fil-pandemija u l-impatt li din kellha fuq l-operat u l-qagħda finanzjarja tal-Knisja. 

Huwa spjega li l-missjoni pastorali tal-Knisja żdiedet mhux naqset. “Il-Knisja kompliet tgħin lill-familji u l-persuni fil-bżonn u biex isir dan ix-xogħol kien hemm bżonn ir-riżorsi finanzjarji.” 

Il-knisja se tibqa’ kommessa fil-ħidma biex twettaq il-missjoni tagħha

Minkejja li l-pandemija tal-coronavirus se tkun tfisser telf ta’ €8 miljun, il-Knisja se tibqa’ kommessa fil-ħidma biex twettaq il-missjoni tagħha. 

Il-Knisja f’Malta hija kommessa li tkompli u ssostni l-ħidma pastorali u l-missjoni tagħha. Biex isir dan se jiżdiedu l-ispejjeż, f’mument fejn qed issofri minn daqqa qawwija fid-dħul tagħha minħabba effetti tal-pandemija. 

Pace Ross qal li fil-fatt, il-Kurja kellha tirrikorri għal surpluses u t-tifdil li kellha, biex tkun tista’ twettaq il-ħidma tagħha kif ukoll biex il-ħidma pastorali tkun tista’ tiġi sostnuta. 

Huwa fisser li normalment id-dħul huwa maqsum minn kollezzjonijiet, donazzjonijiet, u ġabriet. Id-dħul tal-Knisja jinkludi wkoll dħul minn investimenti u d-dividend tal-bank APS, fejn il-knisja hija azzjonista, liema dividend, fuq direttiva tal-Bank Ċentrali Ewropew, mhux se jiġu mgħoddija lil azzjonisti, ukoll bħala miżura meħuda fuq Livell Ewropew fiż-żmien tal-pandemija.

L-Arċidjoċesi timpjega 1,000 ruħ full timer u 300 part-timer, li ma jinkludux l-għalliema u l-ħaddiema tal-bank. Il-maġġoranza tagħhom huma fid-djar tal-anzjani, fid-djar tat-tfal u fid-Dar tal-Providenza. Pace Ross saħaq li l-Knisja taħdem bi professjonisti fis-servizzi varji tagħha għax is-servizz li toffri jrid ikun servizz tal-ogħla kwalità. Apparti minn hekk, tul il-Covid-19, il-Knisja kellha żżid l-ammont tan-nies jaħdmu magħha biex tkun tista’ tipprovdi servizz tal-ogħla livell anke fid-dawl tal-pandemija. 

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Knisja spjega li matul il-pandemija żdiedu l-ispejjeż, direttament relatati mal-Covid-19. “Fl-eqqel tal-ewwel fażi tal-pandemija l-ħaddiema tad-Djar tal-Anzjani kienu qed jinżammu f’lock down biex ħadd ma jitpoġġa f’riskju li jlaqqat il-virus. Dan fisser żieda fl-ispejjeż fl-istess waqt li naqas id-dħul kollu. Huwa għalhekk li qed nagħmlu appell biex min jista’ jgħin ħalli nsostnu lill-Knisja fil-ħidma u l-missjoni pastorali tagħha”. 

Pace Ross spjega li din il-pandemija ħarġet ukoll l-aspett tal-importanza tal-parroċċi fil-ħajja tan-nies permezz tal-appoġġ li ngħata min kellu bżonn l-għajnuna. Dan sar fil-komunitajiet tal-lokalitajiet permezz ta’ għotjiet u t-tqassim tal-ikel u ħidma oħra. Huwa rrefera wkoll għall-ħidma tal-Caritas f’dan il-perjodu li wkoll kienet ta’ għajnuna għal min ġie fil-bżonn. 

Fisser ukoll li tul din il-pandemija, il-knisja ħadet ħsieb li tieħu ħsieb ukoll lill-ħaddiema tagħha, fi spirtu li tkun employer of choice, biex timpjega u żżomm l-aħjar professjonisti li joffru s-servizzi tagħhom fil-qadi tal-missjoni tagħha, missjoni li hija impenjata li tkompli taqdi. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn