Il-Knisja mhix se tgħatti għall-qassisin li jwettqu abbuż – Il-Papa

Il-Papa Franġisku qal li l-Knisja mhix se tgħatti għall-qassisin li jwettqu abbuż, u beħsiebha tara li ssir ġustizzja mal-vittmi ta’ dawn l-atti kriminali.

F’messaġġ lill-Vatikan għal żmien il-Milied, il-Papa kellu kliem iebes xi jgħid dwar min wettaq l-abbuż fil-Knisja fil-passat. Huwa qal li fi Frar li ġej, il-Knisja se terġa’ tiddikjara l-pożizzjoni tagħha fuq dal-każijiet – se tinvolvi esperti biex tara kif l-aħjar li tipproteġi lit-tfal, lill-vittmi, u kif tevita dawn it-traġedji.

Il-Papa qal li se jsir sforz min-naħa tal-Knisja biex l-iżbalji tal-passat jinbidlu f’opportunitajiet biex dan il-ħażen jiġi eliminat mis-soċjetà, għax huwa qal li jekk dan il-ħażen laħaq lil xi qassisin konsagrati, dan juri kemm huwa minsuġ fis-soċjetajiet u l-familji tagħna. 

Huwa rringrazzja b’mod personali lill-professjonisti fil-midja li kienu oġġettivi u onesti dwar dawn il-każijiet ta’ abbuż, u li raw li jikxfu min kien warajhom u li jsemmgħu leħen il-vittmi.

Il-Papa Franġisku indirizza direttament lill-qassisin li wettqu l-iskandli tal-abbuż u qalilhom biex jikkonvertu u jbaxxu rashom għall-ġustizzja umana, u anke jippreparaw ruħhom għall-ġustizzja divina.