Il-Knisja mħassba dwar it-traffikar uman f’Papua New Guinea

It-traffikar uman hu pjaga kbira f'Papua New Guinea

Attivitajiet illegali, prostituzzjoni, id-drog, il-ħasil tal-flus f’Papua New Guinea qed ikomplu jiżdiedu filwaqt li operazzjonijiet ta’ traffikar uman qed isiru “xi ħaġa mormali.

 Din it-twissija li ntbagħatet ukoll lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, saret mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Konferenza Episkopali ta’ Papua New Guinea u l-Gżejjer Solomon, flimkien mal-Caritas ta’ Papua.

Il-Knisja f’Papua ddikjarat li trid u lesta tikkollabora mal-pulizija u l-forzi tal-ordni tal-pajjiż li diġà qed jaħdmu kontra dawn il-pjagi. Il-Knisja qalet li hi konvinta li qabel jingħataw indikazzjoni adegwati, hemm bżonn li wieħed jeżamina dawn il-fenomeni biex wieħed jifhem sew il-problemi, il-kawżi tagħhom u jkunu identifikati proċessi u l-persuni involuti.

It-traffikar uman f’Papua New Guinea hi kumplessa ħafna għax tieħu diversi forom u hemm vittmi differenti kif huma differenti wkoll il-kriminali li jwettqu dan l-abbuż.

Multinazzjonali barranin

Rapport li kien pubblikat riċentement fil-ġurnal lokali “Post Courier” jgħid li diversi kumpanniji multinazzjonali barranin qed iwettqu attivitajiet li jmorru ‘l hinn minn dak li hu permess lilhom fil-liċenzji li għandhom biex joperaw fil-pajjiż u li saħansitra jiksru l-liġijiet tal-pajjiż.

Fin-nota li l-Caritas bagħtet lill-aġenzija FIDES, hemm żewġ rakkomandazzjonijiet prattiċi.

L-ewwel rakkomandazzjoni hi li immedjatament jittieħdu passi kriminali kontra t-traffikanti tan-nies u dawk li jibbenefikaw minn dan in-negozju illegali.

It-tieni rakkomandazzjoni titlob li jkun hemm kooperazzjoni akbar u għarfien tal-fenomenu tat-traffikar uman kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali, kemm min-naħa tal-gvernijiet, komunitajiet reiġjużi u s-soċjetà ċivili, biex din il-pjaga tkun tista’ tiġi miġġielda aħjar.