“Il-Knisja Maltija hi importanti għall-Papa” – In-Nunzju Appostoliku

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=3yCaIeR6ixc]

In-Nunzju Appostoliku l-Ġdid għal Malta, l-Isqof Alessandro D’Errico qal li l-Papa Franġisku jħares lejn il-Knisja f’Malta f’sens ta’ tama u pożittività.
Waqt il-Quddiesa Pontifikali tas-Solennità ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema bir-Ruħ u l-Ġisem, fir-Rotunda tal-Mosta, l-Isqof Alessandro qal li f’udjenza privata li kellu mal-Papa ra kemm għall-Papa Franġisku nnifsu kif ukoll għas-Santa Sede, il-Knisja f’Malta hija importanti. Spjega li fost l-oħrajn hija importanti għax iġġorr t-tradizzjoni ta’ San Pawl u għandha rikkezzi ta’ sbuħija u reliġjużi.
Fid-diskors tiegħu, in-Nunzju Appostoliku fakkar fil-messaġġ u fit-tagħlim tal-Papa Franġisku biex il-Knisja toħroġ mis-sagristiji u timraħ fil-periferiji.
Qal li Knejjes bi tradizzjoni antika, bħlama huma l-Maltin, għandhom riskju fin li jħarsu lejn l-imgħoddi minflok lejn il-ġejjieni.
Filwaqt li tenna kemm-il darba l-kelma tal-Papa “morru”, l-Isqof Alessandro D’Errico fakkar li l-missjoni tal-Knisja hija li tkun fidila lejn l-aħħar kelmiet ta’ Ġesù biex imorru fid-dinja jxandru l-bxara t-tajba lill-bnedmin kollha.
Tenna li bħala rappreżentant tal-Papa, din il-missjoni hija importanti għalih, missjoni li l-Knisja timraħ lejn kulħadd mingħajr diskriminazzjoni.