Il-Knisja ma tistax tibqa’ kwieta jew taħsel idejha – L-Isqof Costa

“Jekk il-Knisja tagħżel tibqa’ kwieta jew taħsel idejha (quddiem il-korruzzjoni u l-inġustizzja) ma tkunx qed tgħix il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.”
Hekk wieġeb l-Isqof Malti Mons. Vincent Costa waqt il-programm Follow-up fuq RTK.
L-Isqof Costa kien Malta flimkien ma’ grupp ta’ qassisin mid-djoċesi tiegħu li kienu qed jagħmlu pellegrinaġġ fil-postijiet li kien żar San Pawl. Huwa ilu l-Brażil 48 sena.
Huwa qabbel lill-Knisja ma’ Alla, li qal lil Mosè li sema l-biki u l-problemi tal-poplu u ħa azzjoni.
“Il-Knisja hija l-vuċi ta’ dawk li m’għandhomx vuċi jew sehem fis-soċjetà, u huwa għalhekk li dejjem toħroġ dikjarazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż, u għandha l-kuraġġ tgħid il-verità filwaqt li tiddefendi l-fqir u l-batut biex kulħadd jgħix il-Vanġelu” qal l-Isqof Costa.
Huwa ddistingwa bejn politika bħala tmexxija għall-ġid komuni u politika partiġġjana. Stqarr li l-Knisja għandha tidħol fil-politika li tirreferi għall-ġid komuni “li bħala Knisja għandna niddefenduh u nippromwovuh, u naraw li jilħaq lil kulħadd, inkluż l-iktar nies vulnerabbli u mwarrbin tas-soċjetà.” 
L-Isqof Costa mbagħad tkellem dwar is-sitwazzjoni politika attwali fil-Brażil.
“Il-Knisja qed titlob li l-elezzjoni presidenzjali li se sseħħ fil-Brażil f’Ottubru li ġej, tkun deċiżiva għall-Brażil, minħabba l-ħtieġa li l-politika tinbidel u jinħatru politiċi ġodda li jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż u l-poplu, minflok fl-interess tagħhom.”
Huwa semma l-każ tal-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, li ġiet akkużata bil-korruzzjoni. “Hija ma kellhiex mod konvinċenti ta’ kif tiddefendi l-azzjonijiet tagħha, u l-Viċi President tagħha, Michel Temer, li kien minn partit differenti, ittradieha.”  Huwa semma li kien hemm żewġ mumenti meta l-prosekuzzjoni kienet kontra Temer. Madankollu, Temer kien ixaħħam lid-deputati u rnexxielu jeħles mill-investigazzjonijiet sakemm jibqa’ fil-Gvern.
L-Isqof Costa tenna li waqt il-konferenza li jkollhom kull sena l-isqfijiet Brażiljana jiddedikaw l-ewwel jumejn għal kwistjonijiet soċjali u jkun hemm xi esperti li jagħtu l-pariri tagħhom lill-isqfijiet.
“Nanalizzaw il-politika u s-sitwazzjoni soċjoloġika u politika fil-pajjiż, filwaqt li niddiskutu wkoll il-problemi li qed joħonqu l-libertà tal-pajjiż sabiex ikun hemm iktar ġustizzja u solidarjetà fost il-poplu.
Huwa temm jgħid li “l-korruzzjoni ma tarahiex, imma qed tħassar lis-soċjetà. Huwa importanti li l-ġid jitqassam u jgawdi minnu kulħadd, u mhux l-istess ċrieki ta’ nies.”