Il-Knisja m’għandhiex tispira ruħha min-negozju – Il-Papa Franġisku

It-tieni diskors tal-Papa Franġisku fil-Korea ta’ Isfel kien indirizzat lill-isqfijiet Koreani meta appellalhom biex ma jitħallewx jinġarru mal-kurrent u jfittxu s-suċċess u l-poter.
Il-Papa Franġisku qal li “dawk involuti fil-ħidma pastorali ta’ spiss huma mħajra jimxu fuq mudelli ta’ mmaniġġjar, ippjanar u organizzazzjoni li huma ispirati mid-dinja tan-negozju u forsi stil ta’ ħajja li mhux skont il-kriterji li Ġesù jippreżenta fil-Vanġelu."
Wissa’ wkoll lill-Knisja fil-Korea, li dejjem qed tikber, biex ma taqax fit-tentazzjonijiet u timxi wara mudelli ħżiena.
Franġisku ħeġġeġ lill-isqfijiet biex ikunu gwardjani tal-memorja u tat-tama għaliex huma l-eredi ta’ tradizzjoni twila li rnexxielha tikber grazzi għal-lealtà, il-perseveranza u l-ħidma ta’ ġenerazzjonijiet twal ta’ lajċi.
Faħħar lil-lajċi talli kienu huma li introduċew il-fidi fil-Korea u qal li jgħaraf il-ħidma tal-Knisja Koreana li qed tipprova kemm tista’ timxi fuq il-messaġġ Nisrani.
Lill-isqfijiet il-Papa talabhom biex kemm jista’ jkun jgħinu fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ u dan għandhom jagħmluh billi jibdew mill-iskejjel tal-primarja. 
Il-Papa Franġisku qed jagħmel dan il-pellegrinaġġ fil-Korea ta’ Isfel anke biex jenfasizza dwar kemm hi importanti s-solidarjetà mal-batut u ma’ min hu dgħajjef. 
Lill-isqfijiet talabhom ukoll biex  jagħtu aktar każ lill-persuni fil-bżonn għaliex is-solidarjetà hi parti mill-ħajja tan-nisrani.