Il-Knisja Kattolika titlob azzjoni kontra l-mibegħda reliġjuża

Mexxejja tal-Knisja Kattolika fl-Iskozja mistennija jkollhom taħditiet mal-Gvern minħabba tħassib kbir dwar il-mewġa dejjem tiżdied ta’ mibegħda reliġjuża fil-pajjiż. Appellaw lil numru ta’ Ministri biex jirrikonoxxu li biha l-kattoliċi qed jisfaw fil-mira ta’ inċidenti ta’ vjolenza.
Il-Knisja qed tibża’ li min-naħa tal-Gvern ma hemmx strateġija biex tkun kumbattuta din ix-xejra negattiva u l-fatt li l-Ministri responsabbli ma jridux jadottaw politika li ssemmi l-ismijiet ta’ min qed iwettaq il-vjolenza huwa ta’ tħassib kbir.
Ċifri publikati f’Ġunju li għadda juru li l-kriminalita’ b’timbru reliġjuż qed tiżdied fil-pajjiż u aktar minn nofs id-delitti ta’ mibegħda – 57% – huma diretti lejn il-Kattoliċi u r-reliġjon tagħhom. Dan minkejja li l-Kattoliċi jirrappreżentaw 17% biss tal-popolazzjoni fl-Iskozja.
Peter Kearney, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Knsija Skoċċiża qal li dawn iċ-ċifri juru li s-soċjeta’ għadha ssofri mill-mibegħda tal-imgħoddi. “Li kieku xi tip ieħor ta’ kriminalita’ hi daqshekk dominant, żgur li l-awtorijitajiet kienu jfasslu strateġija biex jikkumbattuha”, kiteb Kearney f’artiklu publikat fil-ġurnal “The Scotsman”.
Il-Ministru għas-Sigurta’ tal-Komunita’, Annabelle Ewing ix-xahar id-dieħel mistennija tiltaqa’ mal-mexxejja tal-Knsija Kattolika wara mistoqsijiet parlamentari li sarulha minn membru parlamentari Laburista, Elaine Smith.
Fl-2016 sal-lum kien hemm 673 rapport dwar mibegħda reliġjuża li hum 14% aktar milli kienu rappurtati fl-istess perjodu tas-snin ta’ qabel.
Kelliem għall-Gvern Skoċċiż qal li fil-pajjiż m’hemm lok għal ebda forma ta’ diskriminazzjoni u l-Gvern hu impnejat li jiġġieled kull forma ta’diskriminazzjoni u jippromwovi soċjeta’ multi-kulturali bażata fuq fiduċja u rispett reċiproku. Kulħadd għandu dritt iħossu sigur.