Il-Knisja Kattolika mnikkta bil-qtil tal-massa u stupri f’Myanmar

Il-Knisja Kattolika f’Myanmar esprimiet l-appoġġ tagħha għad-deċiżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li tagħmel inkjesta u tibgħat missjoni biex tinvestiga l-allegati abbużi mill-forzi tas-sigurta’ kontra Musulmani. 
Madwar 77,000 persuna huma rappurtati li ħarbu mill-istat ta’ Rakhine wara li f’Ottubru li għadda beda operazzjoni ta’ sigurta’ b’ritaljazzjoni għal allegat attakk minn irġiel minn Rohingya li kienu armati u li qatlu tmien gwardji tal-fruntiera.
Fi Frar li għadda, rapport tan-Nazzjonijiet Uniti qal  li kien hemm qtil tal-massa u stupri fit-tramuntana tal-pajjiż li jikkostitwixxu krimini kontra l-umanita’.
Min-naħa tiegħu l-Gvern ta’ Myanmar iddiżassoċja ruħu mir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u ddeskriva l-Musulmani Roħingya bħala imigranti illegali u ddefenda l-oprazzjoni militari fuq dan il-grupp minoritarju.
Min-naħa l-oħra, il-Kardinal Charles Bo, President tal-Konferenza Episkopali ta’ Myanmar qali li l-mibegħda kontra persuni ta’ razez u reliġjonijiet differenti, żdiedet tant li laħqet livelli allarmanti. Hu ddeskriva r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti bħala wieħed ta’ swied il-qalb u ta’ nkwiet kbir u sostna li Myanmar għandu bżonn l-attenzjoni tad-dinja biex isaħħaħ il-vjaġġ fraġli tad-demokrazija.