Il-Knisja Kattolika fl-Awstralja tgħin fil-kriżi tan-nirien

Nirien li qed jaħkmu partijiet kbar tal-Awstralja

Il-Knisja Kattolika fl-Awstralja qed tgħin permezz tat-talba u servizzi soċjali, biex tgħin lil dawk l-Awstraljani li ntlaqtu ħażin min-nirien kbar li ħakmu partijiet minn dan il-pajjiż.

Skont stqarrija li ħareġ nhar it-Tlieta, l-Arċisqof Mark Coleridge , President tal-Konferenza Episkopali Awstraljana, “il-pajjiż qed tiffaċċja kalamità bla ebda precedent hekk kif in-nirien qed jeqirdu l-art f’diversi nħawi.

“Aħna lkoll rajna ix-xeni apokalittiċi ta’ dak li qed jiġri anke jekk mhux qegħdin fiż-żoni l-aktar milquta. Intilfu ħajjiet, inqerdu djar u bliet sħaħ u d-dħaħen qed joħonqu żoni kbar tal-pajjiż”.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet News Corp Australia in-nirien qerda żona id-daqs tal-Ingilterra jew għaxar darbiet l-art li nħakment min-nirien fl-Amazonia is-sena li għaddiet. Dawn in-nirien s’issa diġa’ kkaġunaw il-mewt ta’ 20 persuna.

Għajnuna

L-għajnuna li qed tagħti l-Knisja Kattolika f’dawn iċ-ċirkostanzii tikkonsisti:

  • Il-ħolqien ta’ qafas nazzjonali li jgħaqqad lin-nies milquta min-nirien ma’ dawk li jistgħu jgħinuhom fosthom billi jippreparawlhom ikel, jgħin fit-tindif tal-proprjetajiet milquta min-niried, jibnu l-komunitajiet mill-ġdid u anke b’ħidma pastorali u pariri.
  • It-tqassim ta’ talbiet speċjali u riżorsi oħra għall-użu fil-parroċċi, familji u istituzzjonijiet Kattoliċi oħra.
  • Kollaborazzjoni ma’ aġenziji nazzjonali ewlenin, bħalma huma il-Catholic Health Australia, il-Catholic Social Services Australia, the National Catholic Education Commission u s-St. Vincent de Paule society, biex tingħata l-akbar għajnuna possibbli lil dawk milquta.
  • Kooperazzjoni ma’ Catholic Religious Australia u istituti reliġjużi oħra u l-ministeri tagħhom.
  • Il-parroċċi madwar l-Awstralja kollha qed jagħmlu ġabra speċjali fil-Quddies kollu fi tmiem il-ġimgħa meta jkun ċelebrat Jum l-Awstralja, bil-fondi jmorru kollha biex jgħinu lil min sofra minn dan id-diżastru.