Il-Knisja Kattolika fit-Tajlandja u l-Ġappun

Il-bnadar tat-Tajlandja u l-Ġappun - iż-żewġ pajjiżi li se jżur Papa Franġisku aktar tard dan ix-xahar

Kull darba li l-Papa jkun se jagħmel xi Vjaġġ Apostoliku, il-Vatikan jippubblika informazzjoni dwar il-Knisja Kattolika fil-postijiet li l-Qdusija Tiegħu ikun se jżur. Bejn id-19 u s-26 ta’ dan ix-xahar, Papa Franġisku se jżur it-Tajlandja u l-Ġappun.

L-Uffiċċju Ċentrali tal-istatistika tal-Knizsja Kattolika, nhar il-ġimgħa ppubblika statistika dwar il-preżenza tal-Knisja Kattolika f’dawn iż-żewġ pajjiżi kif kienet fl-aħħar tal-2017 – is-sena li għaliha hemm statistika kompluta.

Tajlandja

Dan il-pajjiż għandu popolazzjoni ta’ 66.5 miljun persuna iżda l-Kattoliċi huma biss 389,000. Il-Knisja għandha 11-il djoċesi li jiġbru fihom 502 parroċċi u 566 ċentri pastorali – jiġifieri hemm 365 Kattoliku għal kull ċentru pastorali.

Fil-pajjiż hemm 16-il Isqof li għandhom jgħinuhom 523 saċerdot djoċesan, 312 qassis reliġjuż; 123 reliġjuż li ma jqaddsux, 1,461 soru, 57 membri ta’ istituti sekulari, 221 missjunarju lajk u 1,901 katekisti.

Ifisser li fit-Tajlandja hemm 466 Kattoliku għal kull saċerdot imma hemm anqas minn qassis wieħed għal kull ċentru pastorali.

Hemm ukoll 306 żagħżugħ f’seminarji maġġuri, jippreparaw għas-saċerdozju filwaqt li hemm 771 student ieħor f’seminarji minuri.

Il-Knisja Kattolika fit-Tajlandaja għandha jew tmexxi 253 kindergarten jew skejjel priamrji, fejn imorru 319,515 tfal; 163 skola medja jew sekondarja fejn jattendu 147,034 student u 10 istitutzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jew universitajiet li jilqgħu fihom 22,149 student.

Fejn jidħlu ċentri soċjali jew ta’ karità, fit-Tajlandha l-Knisja Kattolika għandha 4 sptarijiet, 8 kliniċi, 26 dar tal-anzjani jew persuni b’diżabilita, 115 orfanatrofju, 7 ċentri tal-familja, 11-il ċentru ta’ edukazzjoni speċjali u 19 l-istitutzzjoni oħra.

Ġappun

Dan il-pajjiż hu akbar mit-Tajlandja kemm bħala territorju kif ukoll fil-popolazzjoni fejn hemm jgħixu 126.7 miljun persuna.  Minn dawn 536,000 huma Kattoliċi mxerrda f’16-il djoċesi li fihom hemm 859 parroċċa u 102 ċentri pastorali.

29 Isqof huma responsabbli mit-tmexxija tal-Knisja Kattolika fil-Ġappun. Dawn għandhom jgħinuhom 511-il saċerdot djoċesan u 896 reliġjuż flimkien ma’ 29 djaknu permanenti. Fil-pajjiż hemm ukoll 173 reliġjuż li m’humiex qassisin u 4,976 sorijiet.  Hemm imbagħad 174 membri f’istituti sekulari, 5 missjunarji lajċi u 1,307 katekist.

Ifisser li fil-Ġappun hemm 381 Kattoliku għal kull saċerdot u hemm kważi tliet saċerdoti għal kull żewġ ċentri pastorali.

Iżda l-vokazzjonijiet huma ftit. Hemm biss 80 żagħżugħ jippreparaw għas-saċerdozju u 33 student biss f’seminarju minuri.

Fil-Ġappun il-Knisja Kattolika għandha jew tmexxi 575 kindergarten jew skola primarja għal 83,517 tifel u tifla; 183 skola medja jew sekondarja li fihom imorru 67,508 studenti u 57 istitutzzjoni ta’ edukazzjoni għolja jew università li jilqgħu fihom 53,310 studenti.

Il-Knisja fil-Ġappun għandha 29 sptar u 10 kliniċi, 274 djar tal-anzjani jew persuni b’diżabilità, 236 orfanatrofju, 3 ċentri tal-familja, 21 ċentru ta’ edukazzjoni speċjali u 33 istitutzzjoni Kattolika oħra.