Il-Knisja Kattolika fil-Kenja tinvesti fl-edukazzjoni

L-Isqfijiet tad-Djoċesi ta’ Garissa fil-Kenja spjegaw li l-Knisja Kattolika se tibni iktar skejjel primarji u l-ewwel skola sekondarja tagħha bit-tama li iktar tfal jirritornaw għall-edukazzjoni formali.
Lill-Aġenzija Fides, l-Isqof Joseph Alexander spjega li wara l-massakru ta’ kważi 150 student f’April li għadda, ħafna skejjel ingħalqu wara li ġenituri beżgħu jibgħatu lil uliedhom l-iskola u għalliema talbu li jiġu trasferiti xi mkien ieħor.
L-Isqof spjega li fl-iskejjel mibnija mill-Knisja Kattolika jattendu diversi studenti Nsara u Musulmani li wkoll jużaw servizzi tas-saħħa offruti mid-djoċesi.
Spjega kif il-Knisja qed tistinka biex terġa’ tara iktar studenti fil-klassijiet għax l-edukazzjoni mhux biss tgħin lill-individwu imma wkoll il-proċess ta’ paċi.