Il-Knisja Kattolika fi Rwanda se tibni Kattidral flok ħabs

Raġel jitlob waqt Quddiesa fil-Knisja ta’ San Famile f’Kigali, Rwanda. (Credit: Noor Khamis/Reuters via CNS.)

Il-Knisja Kattolika fi Rwanda se tibni Kattidral ġdid fil-belt kapitali fuq biċċa art li qabel fuqha kien hemm sqaq.

Il-bini se jsir mill-Knisja fuq art li ngħatat mill-Gvern u l-Kattidral il-ġdid se jinbena ftit bogħod  minn dak attwali, dedikat lil San Mikiel li l-mexxejja Kattoliċi tal-pajjiż iħossu li sar żgħir wisq.

Father Jean Pierre Nsabimana, ir-Rettur tas-Santwarju tal-Ħniena Divina qal li l-Kattidral ta’ San Mikiel jinsab qrib il-palazz tal-Gvern u dan l-aħħar il-bini kollu qrib dan il-Palazz tneħħa għax il-membri tal-Gvern bdew iqisu dan il-bini bħala theddida għas-sigurtà tagħhom.

Skont l-aġenzija “Catholic News Service” l-Isqfijiet Kattoliċi irreżistew li jwaqqgħu l-Kattidral ukoll iżda l-Gvern offrielhom  l-art fil-qrib fejn kien hemm ħabs u għamlu ftehim.

“In-nies huma ferħana bl-aħbar tal-bini tal-Kattidral il-ġdid għax ilhom jittamaw li jkollhom knisja akbar minn dik preżenti”, qal Dun Ġwann Bosco Ntagungira mill-Parroċċ tar-Reġina tal-Paċi, f’Kigali.

Saċerdot ieħor minn Rwanda, Fr. Christophe Ntagwabira, li bħalissa qed jistudja fl-Università Kattolika ta’ Nairobi, fil-Kenya, qal li hu jemmen li l-Knisja se tibni Kattidral li jkun monumnet li jikkommemora l-ħabs l-antik.

L-awtoritajiet kolonjali kienu bnew il-ħabs ta’ Nyarugenge fl-1930 fuq medda ta’ 5.5 tomna, imma fl-2018 l-priġunieri ttieħdu f-faċilità oħra.

L-awtoritajiet ta’ Kigali talbu lill-Knisja biex tipproduċi d-disinn tal-Kattidral sal-aħħar ta’ dan ix-xahar biex il-bini jilħaq jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Xi qassisin iħossu li dawn l-aħħar żvilouppi huma sinjal ta’ relazzjonijiet tajba bejn l-Istat u l-Knisja Kattolika fi Rwanda. Dawn ir-relazzjonijiet kien tħassru wara l-ġenoċidju tal-1994 li matulu kienu nqatlu aktar minn 800,000 bejn Tutsi u Hutu. Membri tal-kleru fi Rwanda, fosthom xi Kattoliċi, kienu akkużati li kellhom rwol importanti f’dan il-qtil.

Fl-2016, id-disa’ Isqfijiet Kattoliċi ta’ Rwanda kienu għamlu apoloġija għas-sehem ta’ xi saċerdoti ndividwali fl-imsemmi ġenoċidju.

L-aħbar tal-bini tal-Kattidral ħarġet wara li l-awtoritajiet ta’ Rwanda bdew jikkontrollaw in-numru ta’ knejjes fil-pajjiż. Mijiet ta’ knejjes kellhom jagħlqu fl-2018 għal raġunijiet ta’ sigurtà u saħħa u dan laqat ħafna knejjes Kattoliċi l-aktar f’żoni rurali tant li għal xi żmien kien twaqqaf ukoll  il-Quddies.