“Il-Knisja hija d-dar ta’ kulħadd” – Papa Franġisku

La Civiltà Cattolica ppubblikat intervista twila mal-Papa Franġisku.

Matul din l-intervista, il-Papa wettaq analiżi vasta tar-rwol tal-Knisja Kattolika fiż-żminijiet tal-lum.

Dwar il-persuni li ħadu d-divorzju u persuni omosesswali, il-Papa Franġsiku saħaq li l-aktar importanti hija l-persuna.

Qal li matul il-ħajja, Alla jakkumpanja lill-persuni u l-insara jridu jakkumpanjaw ukoll lil xulxin bi ħniena u jxandru l-messaġġ tal-Kelma ta' Alla.

Saħaq li l-Knisja ma tistax tibqa’ tinsisti biss fuq suġġetti bħall-abort, iż-żwieġ bejn persuni omosesswali u l-użu tal-kontraċettivi. Il-Papa qal li l-Knisja tiddiskuti suġġetti bħal dawn mil-lat pastorali u missjunarju.

Matul din l-intervista, il-Papa Franġisku qal li ta’ sikwit persuni omosesswali jiktbulu minn Buenos Aires l-Arġentina. Qal li dawn il-persuni jinsabu feruti soċjalment għaliex iħossu li l-Knisja qed tikkundannahom. Enfasizza li l-Knisja ma tistax tiġġudika lill-persuni omosesswali.

Il-Papa qal li hu jippriedka dak li hemm miktub fil-Vanġelu. Ġab l-eżempju li jekk ikun hemm mara li wettqet l-abort u jiddispjaċiha, il-kumplament tal-insara għandhom u jridu juruha l-ħniena.

Enfasizza wkoll li s-sagrament tal-qrar mhuwiex tortura imma jagħti lok fejn wieħed isib il-ħniena. Il-Papa qal li Kristu jagħti l-kuraġġ biex inkunu persuni aħjar.

Ġab ukoll l-eżempju ta’ mara li ż-żwieġ tagħha jkun spiċċa imma li tixtieq tibqa’ timxi fit-triq tal-Kristjaneżmu. Hawnhekk il-Papa qal li l-kobor tal-qrar huwa dan, li jgħin lil dawn il-persuni li jfittxu lil Alla u l-imħabba tiegħu.

Il-Papa Franġisku qal li l-Knisja hija magħmula mill-poplu ta’ Alla, u għalhekk hi d-dar ta’ kulħadd u mhux Kappella żgħira fejn imorru biss grupp ta’ persuni magħżula.

Finalment qal li se jwettaq riformi fil-Knisja Kattolika iżda li se jsiru bil-mod u mingħajr għaġġla.