Il-Knisja hi aħna lkoll

Il-Knisja m’hix biss il-Papa u l-Isqfijiet imma dawk kollha li huma mgħammda. Il-Papa Franġisku qal dan waqt li kien qed jitkellem dwar is-Sagrament tal-Konfermazzjoni. Il-Griżma tal-Isqof tgħaqqad lil min jirċiviha aktar mill-qrib mal-Knisja u tagħmilhom membri ħajjin tal-ġisem mistiku ta’ Kristu.
 
Uħud jaħsbu li l-Knisja hi biss l-Isqfijiet u l-mexxejja u mbagħad hemm il-ħaddiema. “Imma le. Il-Knisja hi aħna lkoll, kulħadd, kull persuna għandha rwol fil-Knisja. Aħna lkoll il-Knisja. Irridu naraw lill-Knisja bħala organiżmu ħaj, magħmul min-nies li nafu u li nitkellmu magħhom u mhux inħarsu lejha bħala xi realta astratta u l-bogħod minnha”, fisser il-Papa.
 
Ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu jgħinha nimmaturaw fil-fidi u nsiru għotja għall-oħrajn.  Bħala nsara aħna strument li jingħata lill-oħrajn. Il-Griżma tinvolvina fil-ħajja tal-Knejjes mnejn niġu u għax l-Isqof hu l-kap tal-Knisja lokali għalhekk dan is-sagrament jamministrah hu. Fi tmiem ir-rit tal-Griżma l-Isqof jagħti s-sinjal tal-paċi u meta wieħed jirċievi dan is-sinjal mill-Isqof tiegħu ikun qed jintrabat li jaħdem għal għaqda akbar kemm fil-knisja kif ukoll barra minnha, b’entużjażmu.
 
Meta tirċievi l-paċi jfisser li trid taħdem aktar biex tiżdied l-armonija fil-parroċċa, tinkoraġixxi u tifhem lill-oħrajn u tinkludihom mhux twarrabhom jew temarġinahom. Tfisser li tkun kapaċi tirrikonoxxi d-differenzi għax “l-Ispirtu s-Santu hu kreattiv u mhux ripetettiv. Ir-rigali tiegħu joħolqu sinfonija mhux monotonija”, insista l-Papa Franġisku.
 
Il-Papa ikkwota mill-eżortazzjoni tiegħu “Gaudete et Exsultate” u qal li l-Kattoliċi jridu jkunu mmexxija mill-Ispirtu s-Santu “għax inkella jispiċċaw paraliżżati mill-biżà u kawtela eċċessiva u jibqgħu msakkra fihom infushom fejn iħossuhom siguri.