Filmat: Il-Knisja ħadet il-pandemija bħala opportunità u sfida – L-Isqof Galea-Curmi

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-Knisja f’Malta ħadet il-pandemija bħala opportunità u sfida. Hu qal dan f’intervista fuq 103 Malta’s Heart dalgħodu. Spjega li l-Knisja ħadet is-sitwazzjoni tal-coronavirus serjament u b’mod rigoruż segwiet il-miżuri ta’ mitigazzjoni skont kif kien indikat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Fl-intervista, l-Isqof Galea-Curmi tkellem dwar iż-żmien meta l-knejjes għalqu minħabba l-pandemija. Qal li mal-ftuħ mill-ġdid tal-knejjes, kull miżura li tipproteġi l-ħajjiet u s-saħħa tal-persuni ttieħdet. Irringrazzja lill-poplu li ta l-kontribut tiegħu, u għadu jagħti l-kontribut tiegħu, biex il-ftuħ mill-ġdid tal-knejjes ikun ta’ suċċess, inkluż dawk li qed jgħinu fit-tindif u d-diżinfettar tal-knejjes.

Hu semma kif il-pandemija ma ħolqitx biss ostakli għall-quddies, iżda wkoll għall-visti pastorali li kellu ppjanati u laqgħat oħrajn, fi skejjel u djar tal-anzjani. Qal li dawn kellhom jitħassru.

“Il-coronavirus ittieħed bħala sfida mill-Knisja biex tara x’jista’ jsir b’mod differenti jew aħjar,” sostna l-Isqof Awżiljarju.

Hu tkellem ukoll dwar kif il-pandemija affettwatu fuq livell personali. Galea-Curmi qal li hawn kellu jdur għat-teknoloġija minkejja li ma tantx kien jaf jużaha. Hu semma kif il-ġimgħa d-dieħla se jipparteċipa f’konferenza internazzjonali għall-Isqfijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropa għax hu rappreżentant tal-Konferenza Episkopali Maltija. Minħabba l-pandemija din mhux se tkun possibbli li ssir fiżikament u b’hekk se ssir online.

Wara li kienu sfurzati jagħlqu l-bibien tagħhom għall-pubbliku f’Marzu li għadda, il-knejjes Maltin u Għawdxin reġgħu fetħu l-bibien fit-13 ta’ Ġunju tal-2020. Galea-Curmi qal li Arċidjoċesi kienet ippubblikat numru ta’ direttivi li għadhom fis-seħħ, u semma xi wħud bħad-distanza soċjali, l-użu tal-maskri u l-visors, diżinfettar tal-knejjes u kien stabbilit kemm jista’ jkun hemm persuni ġo knisja abbażi tal-kobor tagħha.

Qal ukoll li l-qrar għadu qed isir iżda bl-akbar prekawzjonijiet fis-seħħ. Biex ħadd fil-komunità ma jitħalla barra, il-quddiesa għadha qed tixxandar ta’ kuljum online u fuq it-televiżjoni.

“Nieħu pjaċir immur mixja twila u jkun hemm min iwaqqafni u jirringrazzjani għax qed inxandru l-quddiesa fuq it-televiżjoni għax għalihom tifsser ħafna spiritwalment. Dawn is-sitwazzjonijiet iġiegħluk tirrealizza li l-pubbliku japprezza,” qal l-Isqof Awżiljarju.

Hu semma kif permezz tal-midja soċjali rnexxielhom jilħqu l-komunità Maltija minn madwar id-dinja u kien hemm persuni li kellmu lilu jew lill-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-pandemija.

Tkellem ukoll dwar l-aktar affarijiet importanti li għandna nirriflettu dwarhom fi żmien il-pandemija. Mons. Galea-Curmi qal li fl-aħħar xhur tgħallimna li għandna ngħożżu ħajjitna u dak li għandna. “Għandna nissalvagwardjaw ħajjitna u saħħitna,” qal hu. Aspett ieħor li semma huwa d-dixxiplina tagħna nfusna, jiġifieri li xi ħadd ikun kapaċi jgħid le għal affarijiet li ma jkunux tajbin għal ħajtu. “Din il-pandemija qed tgħallimna niddixxiplinaw lilna nfusna.”

Għamel referenza wkoll għall-festi tal-Milied. Qal li “bis-sitwazzjoni kif inhi, il-Milied għal din is-sena se jkun differenti żgur, iżda l-paċi li nesperjenzaw meta niċċelebraw it-twelid ta’ Kristu għandha tkun espresso b’modi differenti. Hu appella biex il-pubbliku, anke fi żmien il-festi, jibqa’ josserva l-miżuri biex tonqos il-firxa tal-virus.