“Il-Knisja għandha żżid ir-rispett lejn dawk li huma differenti minnha” – l-Arċisqof Pawlu Cremona

Fuq l-istazzjon nazzjonali, l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona qal li l-isfida tal-Papa l-ġdid se tkun ikbar fl-Ewropa. Dan għaliex, qal l-Arċisqof, ħafna qed jaħdmu kontra l-Knisja minflok iħaddnu l-fidi. Semma l-Asja bħala eżempju ta’ kontinent fejn il-Kristjaneżmu kull ma jmur aktar qed jiżdied.

L-Arċisqof qal li jeħtieġ li jitkompla x-xogħol li beda fit-tieni Konċilju tal-Vatikan u jsir djalogu bejn id-diversi reliġjonijiet. L-Arċisqof fakkar li l-Knisja hi ta’ kulħadd.

L-Arċisqof kien mistoqsi x’se jsir minn dawn il-persuni li tbiegħdu mill-Knisja, kif tistgħu tisimgħu fl-awdjo.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-bieraħ, ftit wara li tħabbret ir-rizenja tal-Papa, l-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna tkellmu dwar ix-xogħol siewi li wettaq il-Papa Benedittu XVI, filwaqt li qalu li l-ikbar sfida tal-Papa li jmiss se tkun li jsaħħaħ il-fidi partikolarment fis-Sena tal-Fidi li l-Knisja qed tiċċelebra.