“Il-Knisja għandha dritt titkellem” – Perit Daniel Darmanin

Il-Perit Daniel Darmanin, li jmexxi l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tkellem fuq l-importanza li l-Knisja tkun involuta fi djalogu mal-oqsma kollha tas-soċjetà anke ma’ gruppi li mhux bilfors huma Insara.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Perit Darmanin saħaq li l-Knisja hija vuċi oħra fis-soċjetà u għaldaqstant importanti li ssemmha leħinha u tidħol fi djalogu fuq dawk il-kwistjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar jolqtu l-ħajja ta’ kulħadd.
Irrefera għall-Omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna nhar l-Indipendenza fejn tkellem dwar l-importanza li l-ġid jinqasam bejn kulħadd u anke dwar kwistjonijiet oħra fosthom il-prezzijiet tal-kera u insista dwar l-importanza li l-Kummissjoni toħloq iżjed għarfien dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja
Mistoqsi jekk il-Knisja għandhiex tikkumenta fuq dawn il-kwistjonijiet, il-Perit Darmanin iddeskriva l-Knisja bħala vuċi oħra fis-soċjetà li għandha dritt issemmha leħinha.
Minkejja l-kritika li ħafna drabi tirċievi, fakkar kemm il-kontribut tal-Knisja ħafna drabi wassal għal tibdil importanti fis-soċjetà. Fost dawn semma l-Unjoni Ewropea u fakkar kif ħafna mill-valuri li sawruha kienu ispirati minn dan it-tagħlim tal-Knisja.
“Inkunu żbaljati jekk naħsbu li l-Knisja għandha tillimita ruħha biss għas-sagristija jew għall-katekeżi,” saħaq Darmanin. “Is-sehem tagħna ta’ Nsara rridu nagħtuh ukoll fis-soċjetà.”
Kompla jispjega li dak li tgħid il-Knisja huwa frott ta’ snin ta’ ħidma u studju u għalhekk insista dwar il-bżonn li jinħoloq iżjed djalogu.
Wera x-xewqa li fil-jiem li ġejjin il-Kummissjoni titkellem mal-Caritas biex taħdem id f’id magħha.
Il-Pertit Darmanin se jkun il-mistieden ewlieni tal-lum waqt il-programm Follow-Up li jixxandar bejn l-4:30pm u 6:00pm fuq RTK u anke live fuq il-paġna ta’ Facebook, Newsbook.com.mt.